Lokali

“Politika li tilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies” – Claudio Grech

Iktar minn 150 persuna huma involuti fl-14-il cluster li huma responsabbli biex jifformulaw il-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt intervista fuq il-programm Net Live, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li b’dan il-mod, il-Partit qed jisma’ direttament min-nies involuti jew li jsegwu qasam partikolari u li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni. Hu qal li t-tiġdid fil-politika jsir biss meta tkun miftuħ għall-ideat.

Dan l-eżerċizzju, li ra l-bidu tiegħu s-sena li għaddiet, wassal biex il-Partit Nazzjonalista artikola 128 priorita’ politika. Żwieġ bejn il-prinċipju tal-ġid komuni u l-aspirazzjonijiet individwali.

Claudio Grech kompla li l-PN qed iressaq proposti li għandhom ikunu alternattiva għall-Gvern tal-ġurnata. Hu emfasizza l-importanza li wieħed jisma’ mill-istakeholders għaliex meta partit jisma’, il-policies tiegħu ikunu aħjar.

Id-Deputat Claudio Grech qal li l-proposti li se jkunu preżentati se jkunu ibbażati fuq element qawwi ta’ evidenza u ta’ riċerka b’mod li wieħed jelimina it-tribaliżmu politiku.