Lokali Parlament

Problemi kbar wara li proġett fin-Naxxar twaqqaf u kien abbandunat

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fl-Aġġornament tal-lejla li fin-Naxxar hemm problemi kbar wara li l-gvern beda proġett għall-persuni b’diżabbiltà iżda ħallieh abbandunat sa mill-2019.

Claudette Buttigieg qalet li l-ħofra li saret għall-proġett ta’ Reach għall-persuni b’diżabbiltà fin-Naxxar għadha hemm u s’issa għadu ma sar xejn. Hi kompliet li meta sar ix-xogħol fuq Triq San Pawl, ħafna ġrieden resqu lejn din iż-żona b’konsegwenzi negattivi fuq ir-residenti ta’ diversi toroq fiż-żona tat-Trade Fair.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li qed iqum dubju kif din il-ħofra saret fl-2019 meta l-parlament kien informat li l-gvern se jinvesti €32 miljun b’kofinanzjament mill-UE. L-idea tal-post li jkun hemm żona dedikata għal servizzi marbuta mal-persuni b’diżabbiltà.

Fl-UE hemm diversi ilmenti u oġġezzjonijiet fuq proġetti ta’ dan it-tip għaliex l-argument fl-UE hi li dawn ma jkunux segregrati biex joqgħodu f’postijiet għalihom biex il-persuni b’diżabbiltà jħossuhom qed jgħixu parti mill-komunità. Qed issir pressjoni fl-UE biex ma jingħatawx fondi għal dawn il-proġetti. Il-gvern għandu jispjega jekk hemmx problema biex jinkisbu l-fondi propju minħabba l-prinċipju wara dan il-proġett.

Claudette Buttigieg kompliet li n-nies huma frustrati li l-proġett waqaf biex issa hemm problemi kbar ta’ sanità propju meta infetħet Triq San Pawl fin-Naxxar.