Lokali

“Qatt mhu se jkollok sitwazzjoni perfetta” – Byron Camilleri rigward il-ħabs

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm l-ordni.

Din kienet l-istqarrija tal-Ministru Byron Camilleri meta kien mistoqsi ripetutament mill-ġurnalisti dwar is-sitwazzjoni ta’ kollass fil-ħabs Malti għad-detriment tal-priġunieri kif ukoll tal-ħaddiema fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bl-aktar mod evidenti jixtiequ jaħdmu f’serenità.

Dan kollu wara li fl-aħħar jiem, għal darb’oħra fost lista twila ta’ allegazzjonijiet u rapporti rigward l-hekk imsejjaħ reġim fil-ħabs, priġunier qed jallega li numru ta’ persuni qed ikunu sottoposti għal torturi kemm psikoloġiċi kif ukoll fiżiċi…fost l-oħrajn bl-użu tal-allegat siġġu tat-tortura.

Madanakollu, Byron Camilleri insista fit-tweġibiet tiegħu għal domanda wara l-oħra li sarulu – li ma kienx lest jikkumenta dwar il-każ.

Rapporti fuq il-midja lokali rrakkontaw kif il-persuna li għamlet dawn l-aħħar allegazzjonijiet, l-istess persuna li talbet sabiex tinfetaħ inkjesta maġisterjali, spiċċat maqfula waħedha…f’solitary confinement – fatt li mhux talli l-Ministru ma’ ċaħdux, talli spjega li l-priġunier tqiegħed f’ċella u li kien qed jiġi osservat permezz ta’ camera wara li għamel dawn id-dikjarazzjonijiet.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk jikkunsidrax li ssir investigazzjoni ħolistika dwar l-aġir li jseħħ wara l-ħitan tal-ħabs – bi kritika waħda wara l-oħra minn diversi esperti….l-Ministru Byron Camilleri sostna li huwa impossibli tikkuntenta lil kulħadd.

Ta’ min wieħed jinnota li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ċaħdet dawn l-allegazzjoniijet u insistiet li se tkun qed tippreżenta d-dokumenti neċessarji fil-Qorti. Intant, Byron Camilleri kkonferma wkoll li tul is-sena u 7 xhur li ilu responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin seħħew erba’ fatalitajiet fil-ħabs, b’fatalità waħda li s’issa l-inkjesta maġisterjali tagħha għadha mhix magħluqa.