Lokali Qorti

Żagħżugħ li allegatament inqabad b’87 qartas ta’ kokaina jingħata l-pleġġ

Xufier ta’ taxi, li huwa żagħżugħ minn Ħ’Attard ingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli fil-qorti b’pussess ta’ kokaina f”ċirkostanzi li juru li din ma kienitx għall-użu personali tiegħu. Ir-raġel ġie arrestat matul il-lejl bejn it-2 u t-3 ta’ Mejju wara li twaqqaf f’roadblock fi Triq il-Wied fl-Imsida.

Tfittxija fil-karozza tal-akkużat li għandu 25 sena, wasslet għas-sejba ta’ 87 qartas kokaina taħt is-sit ta’ wara tas-sewwieq. Josett Demicoli qed tmexxi inkjesta maġisterjali dwar il-każ. Huwa tressaq mixli fil-qorti fejn wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, b’ diversi kundizzjonijiet wara oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Colin Sheldon u Justine Grech, li argumentaw fost oħrajn li għad baqa xhieda pajżana li jridu jixhdu fil-każ u li ż-żagħżugħ huwa akkużat ukoll fuq ksur ta’ bail.

L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Francesca Zarba, qed jidhru għall-akkużat qal li l-fatt li d-droga nstabet taħt is-sit ta’ wara tal-akkużat ma jfissirx li kienet tiegħu jew li kien konxju dwarha. Id-difiża sostniet li huma ħafna persuni jitilgħu fit-taxi biex jingħataw servizz u li l-istess taxi ma tkunx misjuqa mill-akkużat biss. ix-xheda li jridu jixhdu d-difiża qalet li dawn diġa xehedu fl-inkjesta u għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li jerġgħu jixhdu fl-istadju tal-kumpilazzjoni.

L-Avukat Debono argumenta wkoll li l-Qorti tista’ tikkoverta ruħha f’Qorti ta’ droga u hawn is-sitwazzjoni tkun waħda differenti fil-konfron tal-klijent tiegħu. Dwar il-ksur ta’ bail id-difiża fakkret li fil-Parlament għandha tinbidel il-liġi u li d-diskussjoni dwar dan tinsab fi stadju avvanzat, u dan fejn il-pożizzjoni legali dwar il-ksur ta’ bail mistennija tinbidel radikalment.

Fid-dawl ta’ dawn is-sottomissjonijiet il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro, li l-akkużat ma joħroġx mid-dar qabel is-7.00am. u jkun id-dar sat-8.00pm. u jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa, t-Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt, fl-Għassa tal-Pulzija.