Lokali

Riforma Fl-ERA: Appoġġ Mill-NGOs Għall-Abbozz ta’ liġi propost mill-PN

Numru ta’ ghaqdiet mhux governattivi fil-qasam ambjentali iddikjaraw l-appogg taghhom ghall-abbozz ta’ ligi li ressaq il-Partit Nazzjonalista bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika fl-operat tal-Awtorita tal-Ambjent u Riżorsi.

Fi stqarrija, sitt għaqdiet ambjentali – Ramblers Association, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Malta Archaeological Society – tennew il-pożizzjoni tagħhom għal iktar trasparenza mill-ERA.

L-NGOs qalu li d-dokumentazzjoni kollha dwar deċiżjonijiet tal-ERA, inkluż il-laqgħat u l-minuti tagħhom, għandhom ikunu pubbliċi.

Huma jaqblu wkoll mal-proposta fl-abbozz mressaq mill-PN li l-għaqdiet ambjentali għandhom ikollhom l-interess ġuridiku b’mod awtomatiku. Dan ifisser li l-għaqdiet, li jkunu qed jirrappreżentaw interess pubbliku, jitħallew iressqu appelli minn deċiżjonijiet quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Fid-dawl ta’ dan, l-Għaqdiet Ambjentali qed iħeġġu lill-Gvern biex jikkonsidra serjament dan l-abbozz sabiex jitjieb il-qafas legali u l-operat ta’ din l-awtorita’.

L-Abbozz kien ippreżentat nhar il-Ġimgħa li għadda  lill-Iskrivan tal-Kamra Raymond Scicluna mill-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ambjent Robert Cutajar, flimkien mal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius.

L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz huma li jassiguraw trasparenza fil-proċedimenti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi billi l-pubbliku kkonċernat u kull organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien ambjentali jingħataw opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-istess Awtorita`, flimkien ma’ aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem it-Tribunal.

L-ERA twaqqfet fl-2016 meta l-qasam tal-ambjent infatam mill-qasam tal-ippjanar u l-iżvilupp. B’ħafna jesprimu  tħassib kemm din il-qasma wasslet biex effettivament tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent.