Lokali

Tnaqqis ta’ kważi 15% fl-ammont ta’ inċident ta’ traffiku fl-ewwel tliet xhur tas-sena

Ritratt: Arkivji

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 14.7% fl-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020. L-aktar zona fejn seħħew inċidenti f’dan il-perjodu kienet dik tat-Tramuntana tal-Port, fejn seħħew 1,023 inċident jew 35.7% mit-total ta’ 2,864.

Fl-istess perjodu, kien irrappurtat tnaqqis marġinali fl-ammont ta’ persuni li weġġgħu fl-inċidenti. Fil-fatt, kien hemm 305 persuni li weġġgħu, li fisser tnaqqis ta’ 0.3% mis-sena li għaddiet. Minn dawn, 81 kienu ċċertifikati li sofrew feriti gravi (52 xufier, 13-il passiġġier u 16-il persuna li kienet miexja jew bir-roti).

Dan kollu u aktar irriżulta fi statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wriet ukoll kif min-naħa l-oħra, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm persuna li sfortunatament tilfet ħajjitha. Dan meta fl-istess xhur tas-sena li għaddiet, kien hemm żewġ fatalitajiet.

L-istatistika turi wkoll kif l-aktar li kienu nvoluti f’inċidenti (57%) kienu karozzi, segwiti mill-muturi (33.4%) u vannijiet (6.6%). Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ persuni li ntlaqtu minn vettura waqt li kienu qed isuqu r-rota kien ta’ 11, fosthom tlieta li spiċċaw isofru minn feriti gravi. Dan filwaqt li, statistikament, l-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew matul l-għodwa.

L-aktar lokalità li fiha seħħew inċidenti kienet Birkirkara (211), segwita minn Ħal Qormi (169) u n-Naxxar (135). L-anqas li seħħew inċidenti kienu fl-Għasri u San Lawrenz (1 kull lokalità), kif ukoll fl-Isla (2). Dan meta f’seba’ lokalitajiet f’Għawdex kienu rreġistrati anqas minn ħames inċidenti tat-traffiku f’kull waħda minnhom.

It-tnaqqis fl-inċidenti matul l-ewwel tliet xhur tal-2021, meta mqabbel mal-istess xhur tal-2020, kien rifless madwar il-pajjiż kollu, ħlief fiz-zona tal-Punent. L-aktar zona li rreġistrat tnaqqis fl-inċidenti kienet dik tan-Nofsinhar tal-Port.