Lokali Parlament

Brian Tonna jiddefendi lil Konrad Mizzi dwar il-kumpaniji sigrieti; għalih kien qisu ‘walk-in’ client

Il-partner ewlieni tal-kumpanija Nexia BT Brian Tonna iddefenda lill-ex Ministru Laburista Konard Mizzi dwar il-kumpaniji sigrieti li fetaħlu fil-Panama u qal li għalih Konrad Mizzi ma kellux skopijiet wara l-ftuħ ta’ din il-kumapnija għaliex Konard Mizzi kien “a walk-in client”; klijent normali.

Brian Tonna llum reġa’ xehed għal sagħtejn quddiem il-Kmitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestiga l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ryan Callus pparteċipaw għall-Oppożizzjoni. Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u d-deputat Laburista Ian Castaldi Paris pparteċipaw għall-Gvern.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li Brian Tonna għadu ma ppreżentax id-dokumenti mitluba lilu mill-PAC u qal li kien għamel rikors iżda m’hemmx digriet biex jinkisbu dawn id-dokumenti.

Fix-xhieda tiegħu Brian Tonna qal li hu m’għandux dokumenti għaliex kollox kien elevat mit-tfittxijiet li saru fl-uffiċċju tiegħu għall-investigazzjoni f’diversi inkjesti. Hu qal li hu kien għamel xogħol professjonali għal Konrad Mizzi iżda ma jiftakarx kemm tħallas. Ir-relazzjoni tiegħu mal-Bank Pilatus kienet fuq bażi professjonali u l-laqgħat kienu jsiru anki mas-sid tal-Bank Pilatus; “ma stedinnix għat-tieġ”.

Hu qal li ma kellux kontijiet personali l-Bank Pilatus iżda l-kumpanija tiegħu kellha u sostna li hu ma ħax faċilitajiet ta’ kreditu. Hawn, l-Avukat Stephen Tonna Lowell ta parir lil Brian Tonna biex jinvoka d-dritt tas-silenzju minħabba l-investigazzjonijiet li qed isiru.

Brian Tonna hawn beda jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar sanction letter u kontijiet fil-Bank Pilatus ta’ kumpaniji li hu waqqaf.

Għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Brian Tonna qal li l-ingaġġ mal-Enemalta ngħata minn Paul Giordimaina u sostna li qabel dan hu kien tlaqqa” ma’ Konrad Mizzi minn persuna li ma jistax isemmieha (Keith Schembri).

Brian Tonna xehed li hu kien irrakkomanda lil żewġ persuni mid-ditta tiegħu Nexia BT fi stadju tal-proċess wara li kienu pproposti minn David Galea, l-uffiċjal responsabbli mill-proġett tal-power station. Hu qal li dan ma kienx iwassal għal element ta’ konflitt ta’ interess għaliex f’dan l-istadju ix-xogħol kien li tkun imdaħħla l-informazzjoni.

Ix-xhud kompla li qal li f’dan il-kumitat kien hemm ħafna nies tekniċi u sostna li l-ħatra ta’ dawn iż-żewġ persuni mid-ditta tiegħu Nexia BT ma sabet l-ebda oġġezzjoni għax ma kien hemm xejn irregolari.

Għal mistoqsijiet ta’ Beppe Fenech Adami, Brian Tonna kompla li ma ħassx li kellu konflitt ta’ interess bejn l-immaniġġjar tal-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fi New Zealand u kien maħtur fil-proċess tal-Enemalta. Hu qal li kien persuna li ma jistax isemmieh (Keith Schembri) li laqqgħu ma Konrad Mizzi b’Beppe Fenech Adami jirrimarka li donnu “Brian Tonna kien veru beżżul!!”

Diversi fatti stabbiliti kienu li Brian Tonna kien qed jitħallas mill-Enemalta, li l-ministru tal-Enemalta kien Konrad Mizzi, li meta temm l-inkarigu mal-Enemalta kien avviċinat minn Keith Schembri li laqqgħu ma’ Konrad Mizzi u li din il-kumpanija indikat li l-kumpaniji Mac Bridge u 17 Black li minnhom se jsiru ħlasijiet fil-kumpaniji fil-Panama. “Dan film tan-Netflix!”, irrimarka Beppe Fenech Adami, li sostna li ħadd ma kien qed jemmen lil Brian Tonna.

Brian Tonna qal li l-ewwel suġġeriment kien depożitu ta’ €100,000 fis-sena biex jidħlu fil-kontijiet iżda Mossack Fonseca riedu ammont minimu ta’ €2 miljuni inkella l-banek ma’ jiftħux kontijiet. Ix-xhud kompla li hu m’għamel mażżra ma’ ħadd biex jinfetħu l-kumpaniji, l-ebda bank m’aċċetta li jsir due diligence u li hu sar bid-dettalji mill-media. Fosthom ta’ min kienet 17 Black.

“Ma ħadtx gost li (Keith Schembri) ma qallix li l-kumpanija li tani kienet ta’ persuna li kien jafha”, sostna Brian Tonna, li kompla li kien wera d-disgustat tiegħu dwar dan; ma mortx għand Konrad Mizzi iżda mort għand Keith Schembri. “Fuq Keith Schembri ma nirrispondix; lil Konrad Mizzi ma kellimtux”, sostna Brian Tonna, li kompla li ma jafx ta’ min hi l-kumpanija MacBridge.

Din il-kumpanija kienet tal-kunjata ta’ Chen Chen, li Nexia BT fetħulu l-kumpnija Thorne Bridge; “ma nħoss assolutament xejn!”.

Fuq mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, hu kkonferma li kien iltaqa’ darba ma’ Chen Chen iżda ma jafx bl-involviment tiegħu fl-Enemalta. Hu qal li ma daħalx fl-iskopijiet wara din il-kumpanija għaliex kien Carl Cini li daħal f’dan is-settur.

Brian Tonna qal li ma jaf xejn dwar il-Malta-China Project u li titwaqqaf kumpanija barranija mill-gvern biex isiru proġetti bejn Malta u ċ-Ċina. Hu sostna li ma kienx fiduċjarju tal-flus ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chen Chen.

Għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Brian Tonna qal li Konrad Mizzi ma kellux skopijiet wara l-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama. Brian Tonna qal li Konrad Mizzi kien qisu klijent normali u kompla li l-konsorzju Electrogas kien terz ta’ Gasan Group, terz ta’ Socar u terz ta’ Tumas Group. Ix-xhud kompla li “ma nistax niftakar l-ismijiet tal-kumpanija” iżda ftakar li kien hemm Gasoil, Gem Holdings u Siemens.

Brian Tonna kompla li l-lead member Gasoil kien imexxi l-konsorzju iżda ma kienx jaf min kienu n-nies wara din il-kumpanija. Hu sostna li wara l-aġġudikazzjoni kien Yorgen Fenech l-aktar li kien jitkellem waqt li għall-Enemalta kien hemm David Galea.

Brian Tonna kkonferma li kien f’laqgħat flimkien ma’ Yorgen Fenech u David Galea, numru ta’ avukati, inġiniera flimkien ma’ nies oħra fosthom is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Enerġija Ronald Mizzi. Il-laqgħat kienu jsiru fl-Enemalta l-Marsa, sostna Brian Tonna, li kompla li r-rwol tiegħu kien wieħed speċifiku fuq il-finanzi.

Ix-xhud kompla li fil-konsorzju l-Gasoil kellu rwol importanti u qal li kien jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li ffirma għalih dwar l-evalwazzjoni tal-proċess, fosthom li l-membri tal-konsorzju ma jinbidlux.

Il-Gasoil ftit xhur wara li ngħata l-offerta telaq, biegħ l-ishma u qala’ l-miljuni. Dwar dan, Brian Tonna qal li kien hemm affarijiet li tbiddlu wara l-aġġudikazzjoni u għalhekk ma kienux responsabbiltà tiegħu.

Kieku kont naf qabel, kont nistaqsi għaliex se jitlaq il-Gasoil, sostna Brian Tonna, li kompla li ma kienx kompitu tiegħu li jara jekk sarx due diligence fuq is-Socar; kumpanija mill-Ażerbajġan. Siemens kienu kumpanija ta’ reputazzjoni u ta saħħa lill-konsorzju, sostna Brian Tonna, li tratta wkoll Gem Holdings; magħmula minn Tumas Group, Gasan Group u CP Holdings Ltd.

Brian Tonna kkonferma li CP Holdings sar Associated Drugs Ltd u li dawn kienu investituri bl-istess sidien. “Ma nafx x’ġara iżda probabbli li l-membru ddeċieda li jmur f’kumpanija oħra”, sostna Brian Tonna li kompla li ma jafx lanqas kif isem Yorgen Fenech tfaċċa fir-rapport bħala parti.