Internazzjonali

Covid-19: L-Italja lesta biex tilqa’ lura lit-turisti min-nofs ix-xahar…..Ir-Renju Unit jaħseb fil-vaċċini ‘tal-futur’ għal kontra l-varjanti

L-Italja lesta biex tiftaħ il-bibien mill-ġdid għat-turisti minn barra f’’nofs Mejju u b’hekk qed tilħaq tragward ewlieni ‘fil-mixja lura lejn in-normalità’ u bil-pajjiż jidher li qed jirkupra b’pass mgħaġġel mill-effetti tal-lockdown.

Il-pass sinifikanti tħabbar mill-Prim Ministru Taljan Mario Draghi wara laqgħa għall-Ministri tat-Turiżmu tal-G20. L:-Italja għandha l-presidenza attwali tal-G20 – jew il-Grupp ta’l-20 li twaqqaf bħala forum għal djalogu u skambju ta’ informazzjoni bejn l-akbar ekonomiji tad-dinja.

Draghi qal li l-laqgħa kienet waħda simbolika u li, llum, ‘in-nies tad-dinja kollha jridu jivvjaġġaw lejn l-Italja’.

Hu kompla li l-Italja, minn dejjem fost l-aktar destinazzjonijiet popolari mat-turist, hi preparata biex tagħti merħba lill-barranin li jżuruha wara xhur ta’ għeluq b’konsegwenza tal-pandemija. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Taljan mgħandux dubji li s-settur tat-turiżmu tal-Italja se jingħata stimolu kbir fi kwistjoni ta’ ġranet u ġimgħat u li l-istess settur ‘jirnexxilu jirkupra bil-kbir u jsir jerġa’ aktar b’saħħtu mkinn qabel.

Id-dokumenti magħrufa bħala Covid passes għall-ivvjaġġar lejn l-Italja se joħorġu min-nofs Mejju waqt li d-dokument magħruf bħala l-European Green Pass se jibda jitqassam minn wara l-15 ta’ Ġunju.

Għalissa, il-Gvern Taljan introduċa green pass nazzjonali li wkoll għandu jsir effettiv min-nofs Mejju.

Fi żviluppi ġodda, il-Ministru Britanniku responsabbli mill-Vaċċini kontra l-Covid-19, Nadhim Zahawi, tkellem dwar fondi addizzjonali li jwasslu ‘għall-introduzzjoni mill-aktar fis’ tal-vaċċini l-ġodda li se jgħinu biex ir-Renju Unit isaħħaħ id-difiżi kontra l-varjanti ġodda tal-coronavirus.

Il-vaċċini li hemm bħalissa fiċ-ċirkulazzjoni jipproteġu lill-ġisem kontra l-varjanti attwali, fosthom il-varjant ‘ta’ Kent’, iżda l-esperti qed jgħidu li r-Renju Unit u l-pajjiżi l-oħra għandhom ikunu preparati għall-futur peress li l-virus tal-Covid-19 qed jinbidel perjodikament bħala parti minn proċess ta’ mutation.

Intant, il-finanzjament tal-Gvern Britanniku — ekwivalenti għal 30 miljun Sterlina — għandu jappoġġja bis-sħiħ il-faċilitajiet fejn isiru t-testijiet għall-vaċċini l-ġodda, fil-laboratorju għal riċerka ta’ Porton Down.

Ir-Renju Unit anki se jimplimenta programmi ta’ tilqim addizzjonali – f’dan il-każ booster jabs – għal Settembru, iżda Zahawi qal li ma tteħditx deċiżjoni dwar jekk, fil-ħarifa, għandhiex tingħata tielet tilqima tal-vaċċin kontra l-Covid lill-persuni ta’ aktar minn 50 sena u lin-nies li jbatu minn ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa.

Hu qal biss li l-programm tal-booster jista’ jibda f’Settembru u fl-istess ħin ma eskludiex li l-programm jibda ‘lejn l-aħħar xhur tal-2021 jew anki fil-bidu tas-sena d-dieħla’.

Dan meta l-esperti tas-saħħa għandhom jikkunsidraw l-effettività ‘fit-tul’ tal-vaċċini qabel jiddeċiedu ż-żmien meta jibdew il-programmi tal-boosters.

Se jkun hemm ukoll il-provi fil-kliniċi – taħt il-ħarsien tal-esperti mediċi – fejn tkun analizzata l-effettività ta’ proċessi ‘għat-taħlit tal-vaċċini’ u li minnhom wieħed jara liema proċess joffri l-aħjar protezzjoni kontra l-Covid-19.

Il-Gvern Britanniku, fl-istess ħin, qal li l-finanzjament addizzjonali ‘minbarra 20 miljun Sterlina oħra li kienu diġà mwiegħda’ – għandhom jgħinu wkoll il-produzzjoni tal-vaċċini u bix-xjenzati jkunu jistgħu jżidu ‘ir-ritmu u l-iskala tax-xogħol’.