Lokali Saħħa

Ħtieġa li s-saħħa mentali tingħata prijorità – MUMN

Il-ġurnata tal-5 ta’ Mejju tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Qwiebel. Jum li fih tkun rikonoxxuta u ċċelebrata l-kontribuzzjoni imprezzabli tal-qwiebel.

L-MUMN, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel permezz ta’ stqarrija qalet li l-ommijiet, il-missirijiet u l-familji tagħhom, f’din l-aħħar sena batew minn stress kbir, b’nuqqas ta’ kura fis-saħħa mentali. U għalhekk, il-union appellat biex dan is-settur jingħata aktar prijorità.

In-nuqqas ta’ impenn mill-Gvern ta’ Robert Abela biex jara li s-servizz ta’ kura mentali jkompli jitjieb jikkuntrasta ferm mal-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed jara li jippreżenta politika li ttejjeb is-saħħa mentali. Fil-fatt, il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed ivara proposti ġodda f’dan ghas-settur tas-saħħa mentali.

Il-Qwiebel kemm f’pajjiżna kif ukoll madwar id-dinja baqgħu jaħdmu bla heda waqt il-pandemija, bl-MUMN tirringrazjahom għall-impenn tagħhom mill-aqwa u talli qed ikomplu jassiguraw u jieħdu ħsieb lill-ommijiet u lit-trabi, illum u kuljum. Dan apparti li mill-ewwel joffru l-għajnuna lill-familja kollha tat-tarbija.