Lokali

Id-daqqa tal-pandemija fuq l-ajruport Malti

Kien madwar 76 fil-mija it-tnaqqis fl-ammont ta’ persuni li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul is-sena 2020. Dan meta wieħed iqabbel mas-sena preċedenti.

Waqt id-29 Laqgha Generali Annwali tal-MIA ġie rappurtat ukoll kif l-ajruport irreġistra 39,392 passiġġier tul ix-xahar ta’ April … jew tnaqqis ta’ 94 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Dan kollu, sfortunatament, konsegwenza tal-pandemija li għadha qed taħkem lid-dinja – inkluż Malta – b’operazzjonijiet limitati u b’titjiriet imnaqqsa.

Apparti dan, Alan Borg, il-Kap Ezekuttiv tal-MIA stqarr illi is-sena 2020 kienet l-agħar sena għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn l-ammont tad-dħul mill-avvjazzjoni naqas drastikament, b’ 70 miljun Ewro.

Intant, b’mod generali l-ispejjez operattivi tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta s-sena l-ohra naqqsu b’31.6 fil-mija mis-sena 2019.

Wieħed jista’ jinnota illi kawża tal-pandemija, l-MIA ma waqqfitx milli tkompli bil-proġetti tagħha, fosthom il-proġett tal- Park East; parkeġġ li jesa madwar 1,300 vettura, u li jinkludi l-installazjoni ta’ pannelli fotovoltajċi.

Dan apparti l-proġett tal-binja Sky Parks 2 u mistenni jibda wkoll x-xogħol fuq Apron X, li se jsolvi diversi problemi tal-mitjar attwali biex jaqdi l-bżonnijiet tal-ajruport għas-snin li ġejjin.

Alan Borg stqarr illi issa jidher li hemm l-ewwel sinjali ta’ irkupru. Dan għaliex numru ta’ linji tal-ajru qed iħejju ruħhom sabiex jerġgħu jibdew bil-vjaġġi tagħhom lejn Malta u għalhekk hu jiinsab fiducjuz li fix-xhur li ġejjin, l-ajruport ta’ Malta se jara żieda malli jerġa jiftaħ għat-turisti.