Lokali

“In-negozji għandhom ikunu vantaġġjati b’sistema ta’ taxxa aħjar” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jaħdem sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet għan-negozji u aktar investiment li jissarraf f’xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Fid-dawl ta’ dan kollu, Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech irid li jkun hemm sistema ta’ taxxa aktar ġusta sabiex in-negozji Maltin ma jkunux żvantaġġjati.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu għamel żjara fil-Pama Shopping Mall. Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group Charles Borg fejn kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ u jitkellem ma’ diversi ħaddiema li jaħdmu f’dan il-kumpless.

Bernard Grech saħaq li l-ħaddiema huma l-mutur ekonomiku ta’ pajjina għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jpoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Huwa tkellem ukoll dwar hemm huwa importanti li jkun hemm sistema ta’ taxxa aktar ġusta sabiex in-negozji Maltin ma jkunux żvantaġġjati… dan filwaqt li pajjiżna jibqa’ jinċentiva investiment barrani sabiex tiżdied il-kompetizzjoni u jissaħħaħ il-prodott u s-servizz li jingħataw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt din iż-żjara Bernard Grech kellu l-opportunità li jara u jsegwi d-dedikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema b’mod partikolari dawk li jaħdmu fis-supermarkets li matul il-pandemija tal-COVID huma meqjusa bħala front liners hekk kif baqgħu jagħtu servizz lill-klijenti kolha. Diversi ħaddiema li jaħdmu fl-istabilimenti kummerċjali tkellmu dwar kemm kienet diffiċli li jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ iżda issa huma preparati li jagħtu l-aqwa servizz hekk kif mill-ġimgħa l-oħra reġgħu lura bi ħġarhom għax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group Charles Borg qal li mil-lat tas-supermarkets il-pandemija ħalliet effett pożittiv fuq il-ħidma tagħhom hekk kif in-nies qagħdu d-dar u allura xtraw iktar prodotti. Iżda mil-lat tas-sezzjoni tar-retail, peress li dawn kienu kostretti jagħlqu għal diversi ġimgħat, l-effett tal-pandemija nħass sew. Il-grupp PG iħaddem iktar minn 300 ħaddiema, b’ammont sostanzjali minnhom huma meqjusa bħala front liners hekk kif fl-għeqqel tal-pandemija xorta waħda baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom. Charles Borg sostna li matul dan il-perjodu kellhom żieda sostanzjali fil-home deliveries hekk kif ħafna nies għażlu li jagħmlu x-xirja tagħhom online.

Preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm il-Kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss Bernice Bonello u Jerome Caruana Cilia.