Internazzjonali

Iżrael: Il-futur politiku ta’ Netanyahu fid-dubju

Il-futur politiku tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jinsab f’dubju wara li skadielu d-deadline biex jifforma Gvern nazzjonali ġdid.

U fl-aħħar sigħat kibret il-possibbiltà li l-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin, jitlob kandidat rivali ta’ Netanyahu biex jipprova jgħaqqad gvern ta’ koalizzjoni. Intant, Yair Lapid, li jmexxi lill-Partit Yesh Atid taċ-ċentru u Naftali Bennett, il-kap tal-Partit Yamina tal-lemin, it-tnejn tkellmu, sigħat ilu, mal-President Rivlin. Dan meta għad hemm il-possibbiltà li Iżrael jgħaddi mill-ħames elezzjoni ġenerali f’perjodu ta’ sentejn biss.

Netanyahu hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li dam iservi fil-kariga u filwaqt li l-aħħar żviluppi huma daqqa ta’ ħarta għalih, iċ-ċirkustanzi qed jidhru li ‘imxew mal-pronostiku’ wara r-riżultat inkonklussiv tal-aħħar elezzjoni ġenerali li saret fit-23 ta’ Marzu.