Għawdex Lokali

Joe Dimech jingħata l-aħħar tislima

"Joe bena ħafna djar imma l-ikbar binja li bena kienet il-karattru li kellu"

Bniedem ta’ karità kbira… persuna li ħabbet ħafna lill-familja u l-valur tal-familja.

Fil-Katidral ta’ Għawdex ngħatat l-aħħar tislima lil Joe Dimech… li se jibqa’ mfakkar għas-servizz kbir li ta lil Għawdex u lill-Għawdxin.

Fl-omelija tiegħu Monsinjur Anton Borg iddeskriva lil Joe bħala persuna li kellha idea kbira ta’ Alla ħanin u kif ta’ kuljum kien jisma’ l-kelma tal-Mulej.

Monsinjur Borg qal li Joe Dimech bena ħafna djar imma l-ikbar binja li bena kienet il-karattru li kellu… karattur sod bi prinċipji b’saħħithom… bniedem li kien jgħid tiegħu b’mod oġġettiv.

Dimech kien elett sindku tal-lokalità tar-Rabat fl-14 ta’ Dicembru tal-1996 wara li Victor Galea Pace, l-ewwel sindku tar-Rabat, kien gie elett fil-Parlament.

Huwa kien meqjus bħala pilastru tal-PN fil-gzira Għawdxija. Fil-fatt kien strumentali sabiex f’Għawdex issaħħaħ il-Partit Nazzjonalista matul is-snin sebgħin u  tmenin. Dimech kien kien miżżewweġ lil Marisa, u kellhom sitt itfal.

Kienu bosta li sellmu l-memorja tiegħu fuq il-mezzi soċjali fejn kien deskriett bħala ġentlom, persuna ħabbrieki li ħabb lil Għawdex, lill-Partit u lil pajjiż. Persuna mimlija b’ideat u ħeġġa biex Għawdex jimxi ‘l quddiem… attivist leali li jmidd idejh għax-xogħol f’dak kollu li kien hemm bżonn fl-organizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Preżenti biex jagħtu l-aħħar tislima lil Joe Dimech kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech, kif ikoll Deputati u diversi uffiċjali tal-Partit.