Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sitt snin ħabs għal għalliem li kkorrompa student

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat sentenza ta’ sitt snin ħabs fil-konfront ta’ għalliem wara li nstab ħati li kkorrompa student u dan wara li l-ġenituri tiegħu kienu fdaw fil-kura tiegħu f’idejh. Alexander Giacomotto ta’ 69 sena minn Birkirkara nstab ħati li kkorrompa lit-tifel f’diversi okkażjonijiet fid-dar tiegħu fil-Qawra, fil-karozza tiegħu u anke fl-iskola.

Ir-reat kien seħħ bejn l-1992 u l-1996, iżda t-tifel tkellem biss fl-2005 meta kien iltaqa’mat-tfajla tiegħu u qalilha dwar l-esperjenza tiegħu. Huwa kien għamel rapport lill-Pulizija s-sena ta’ wara u Giacomotto kien ġie mixli fl-2007.
L-indiċenzi bdew meta l-vittma kellu 12-il sena u baqgħu sejrin sa meta kellu 16-il sena. Il-każ beda meta l-għalliem talbu biex imur miegħu wara l-ħin tal-iskola biex jixtri xi dekorazzjonijiet tal-Milied.

Huwa ħadu fl-appartament tiegħu fil-Qawra fejn tah jixrob il-vodka bl-orange, urieh film pornografiku omosesswali, u wara li neħħielu l-ħwejjeġ talab lit-tifel biex jagħmel atti indeċenti fuqu. It-tifel qal lill-Qorti li meta kien għadda jgħaddi minn din l-esperjenza kien jispiċċa jibki.

It-tifel kien ingħata wkoll xi flus. Giacomotto aktar tard ikkonvinċa lill-ġenituri tat-tifel biex jibdew jibagħtu lil binhom għalih għal lezzjonijiet tal-privat. It-tifel dejjem ipprova jirreżisti l-avvanzi imma dejjem ħass li dak li kien qed jiġri kien tort tiegħu. Huwa kien soġġett għal sess moqżież għal numru ta’ drabi fuq mhedda ta’ erba’ snin.

Il-Qorti, semgħet ukoll li Giacomotto ta lit-tifel bosta rigali, inkluż kompjuter, kif ukoll lezzjonijiet privati ​​b’xejn. Giacomotto wiegħed ukoll li jixtri liż-żagħżugħ post biex jgħix fih u kien tah 23,000 ewro bħala depożitu fuq propjetà.
Il-każ kien ġie deċiż mill-Maġistrat, illum Imħallef Audrey Demicoli, bl-appell jikkonferma s-sentenza mogħti mill-Imħallef Edwina Grima li qablet perfettament mas-sentenza tal-ewwel Qorti.

Il-Qorti ddeċidiet li l-każ ma kienx preskritt peress li l-aħħar att sesswali seħħ fl-1996 u r-rapport kien ġie ppreżentat fl-2006, ħafna qabel ma għaddew il-preskrizzjoni ta’ 15-il sena mogħtija mil-liġi. Sadanittant dwar is-severità tas-sentenza, l-Qorti tal-Appell qalet li l-piena emogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati hija waħda li taqa’ fil-parametri tal-liġi kif kienet fiż-żmien tal-kommissjoni tar-reat bil-piena, tista’, fid-diskrezzjoni tal-Qorti, tiżdied sa massimu ta’ 12-il sena priġunerija.

Ingħad ukoll illi peress li l-piena fil-minimu tagħha hija dik ta’ tlett snin priġunerija u titla’ fil-massimu tagħha sa 12-il sena, dan jeskludi l-applikazzjoni ta’ sentenza alternattiva għal dik tal-priġunerija effettiva taħt l-artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali, kif ukoll ta’ sentenza fil-komunità kif maħsub fil-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri l-Att dwar il-Probation.

Il-Qorti qalet li fuq kollox minn daqqa t’għajn lejn il-kondotta tal-ħati, jirrizulta illi huwa ġie misjub ħati ta’ reati simili, liema ċirkostanza tħasseb ferm lill-Qorti. Finalment lanqas ma tista’ tinjora il-Qorti l-effetti psikoloġiċi negattivi li kellu l-aġir tal-għalliem fuq il-parti offiża li fl-aħħar spiċċa wkoll kellu jirċievi terapija sabiex jipprova jegħleb dawn l-esperjenzi ta’ abbuż sesswali.

Għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet il-Qorti tal-Appell qalet li tqies illi l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti m’għandiex tiġi disturbata. Il-Qorti ddeċidiet li l-għalliem abbuża mill-pożizzjoni ta’ fiduċja tiegħu u li l-atti sesswali ripetuti kellhom effett permanenti fuq l-istudent, anke issa li sar raġel. Hija ordnat ukoll li Giacomotto jitpoġġa fir-reġistru tal-pedofeli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Louise Calleja.