Futbol Sport

Man City u Chelsea fil-finali tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Wara li nhar it-Tlieta Manchester City kwalifikaw għall-ewwel finali tal-UEFA Champions League fl-istorja tal-club, Chelsea kienu t-tieni tim li kwalifika biex b’hekk se tkun finali bejn żewġ timijiet Ingliżi. Wara li l-ewwel leg intemm 1-1, fi Stamford Bridge, Chelsea għelbu lil Real Madrid 2-0, b’gowl f’kull taqsima biex b’hekk kwalifikaw b’aggregat ta’ 3-1. Fl-ewwel taqsima Chelsea kienu l-aktar tim offensiv u kien fit-18-il minuta li ħasbu li marru fil-vantaġġ meta minn pass tajjeb ta’ Mason Mount, Ben Chilwell qassam lejn Timo Werner li mill-viċin xeħet ġewwa, bil-gowl tal-attakkant Ġermaniż ikun imħassar għall-offside.

Chlesea marru fil-vantaġġ fit-28 minuta meta wara li N’Golo Kante lagħab ballun tajjeb wara d-difiża ta’ Real Madrid, Kai Havertz qabbeż minn fuq il-goalkeeper bil-ballun jaħbat mal-mimduda u jaqa’ fuq ras TIMO WERNER li mill-viċin xeħet ġewwa. Real Madrid wettqu reazzjoni u kien fis-36 minuta li ħolqu l-ewwel periklu serju meta minn cross ta’ Luka Modric, Edouard Mendy b’diffikultà dawwar f’corner id-daqqa ta’ ras ta’ Karim Benzema.

Fit-tieni taqsima, Chelsea ħarġu fuq l-offensiva minkejja li kienu fil-vantaġġ u minn cross ta’ Cesar Azpilicueta, id-daqqa ta’ Kai Havertz ħabtet mal-mimduda għat-tieni darba konsekuttiva. Chelsea għal darb’oħra perikolużi fit-53 minuta, meta wara azzjoni tajba bejn Mount u Werner kien il-midfielder Ingliż li wara li daħal fil-kaxxa ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi minn fuq il-lasti ta’ Courtois. Il-goalkeeper Belġjan kien għal darb’oħra strumentali biex iċaħħad lil Chelsea milli jagħlqu l-partita meta minn pass fit-tul, kien Kai Havertz li wara li daħal fil-kaxxa ra lil Courtois isalva b’saqajh.

Fil-65 minuta x-xutt mid-distanza tal-eks player ta’ Chelsea Eden Hazard kien salvat b’mod tajjeb minn Mendy. Ftit sekondi wara, minn kontrattakk veloċi, Werner għadda lejn Kante, bil-ballun ikun imblokkat minn Courtois. Chelsea aċċertaw mill-kwalifikazzjoni għall-finali fl-84 minuta meta minn azzjoni maħduma b’mod tajjeb, is-sostitut, Christian Pulisic għadda lejn MASON MOUNT li mill-viċin ikkonkluda għal 2-0.