Ħadd għadu ma ra dan il-pjan, min jgħid li hu lest, min jgħid li kien preżentat u min jgħid li għadu qed jiġi diskuss. Il-konfożjuni dwar il-pjan ta’ irkupru mill-COVID-19 u kif se jintefqu l-fondi tal-Unjoni Ewropea għadha għaddejja; għadna ma nafux jekk dan il-pjan hux lest, u jekk ingħatax lill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Silvio Schembri qalilna li dan il-pjan ta’ kif se jintefqu l-fondi tal-Unjoni Ewropea lest iżda fl-istess risposta qalilna li għadu mhux konkluż għaliex għadhom iridu jkunu diskussi d-dettalji. Lanqas ma nafu kienx preżentat fuq livell Ewropew. Il-Ministru tal-Ekonomija kkonferma wkoll li dan il-pjan, minkejja li qal li hu lest, għadu ma tressaqx quddiem il-Parlament Malti.
Ir-risposta ta’ Silvio Schembri tikkuntrasta mar-risposta tal-Ministru nkarigat mill-istrateġija tal-COVID, Owen Bonnici li qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejin. Mistoqsi mill-ġdid jekk dan ifissirx li l-pjan mhux lest, Owen Bonnici qabad jitkellem dwar id-deadlines tal-pjan. Din hi konferma ta’ kemm ghadha tirrenja l-konfuzjoni, u l-Gvern assulutament mhuwiex preparat bi pjan ċar u studjat ta’ irkupru ekonomiku.
L-aħħar ġurnata ta’ April kienet id-data li fiha Malta kienet mistennija tippreżenta l-pjan hekk imsejjaħ recovery and resilience plan lill-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tirċievi fondi Ewropej mill-pakkett ta’ €672.5 biljun. Dan biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara ekonomika li ġabet magħha l-pandemija. Il-Gvern Laburista jidher li falla milli jżomm ma’ din id-data u s’issa ftit li xejn ta dettalji ta’ x’qed jiġri. Dan filwaqt li ħadd għadu ma ra dan il-pjan. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għamlu gvernijiet oħra Ewropej li fasslu l-pjan tagħhom bil-għaqal, u ppreżentawh fil-ħin.
//= $special ?>