Internazzjonali

Spanja: Suċċess għal Diaz Ayuso u l-Partit Popolari fl-elezzjoni reġjonali ta’ Madrid

Isabel Díaz Ayuso , il-Mexxejja konservattiva tar-reġjun ta’ Madrid, kisbet rebħa kbira oħra fl-elezzjoni għal dan ir-reġjun wara kampanja dominata bit-tensjoni u l-attakki kontinwi minn kamp politiku fuq l-ieħor.Il-jiem tal-kampanja kienu anki karatterizzati minn livell għoli ta’ sigurtà minħabba li numru ta’ kandidati kienu rċevew theddid kontra ħajjithom.

Intant, Diaz Ayuso, li tirrappreżenta lill-Partit Popolari (PP) Spanjol, irnexxiela tikseb aktar mid-doppju tas-siġġijiet għall-partit tagħha fl-assemblea. Madankollu hi xorta waħda ma kisbitx il-maġġoranza assoluta u hemm probabbiltà kbira li hi, issa, tissieħeb f’alleanza mal-politiċi estremisti tal-lemin.

Isabel Díaz Ayuso żiedet fil-popolarità wara li sfidat lill-Gvern Spanjol taħt tmexxija Soċjalista u, waqt il-pandemija, ħalliet miftuħin il-ħwienet u l-istabbilimenti tax-xorb fir-reġjun ta’ Madrid. Fl-istess ħin, il-kampanja tal-aħħar jiem f’Madrid enfasizzat l-istat ta’ polarizzazzjoni fi ħdan il-politika Spanjola.

Intant, Diaz Ayuso rebħet 44.7 fil-mija tal-vot li jissarrfu f’65 siġġu fl-assemblea ta’ Madrid magħmul minn 136 deputat. Dan meta l-grupp tax-xellug, magħmul minn tliet partiti, seta’ jikseb biss total ta’ 58 siġġu.

‘Il fuq min ħames miljuni kienu eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni reġjonali ta’ nhar it-Tlieta u l-konkorrenza fil-kapitali kienet waħda qawwija.

U filwaqt li Isabel Díaz Ayuso fissret il-vot bħala ‘għażla bejn soċjaliżmu u libertà’, l-avversarju kbir tagħha – Pablo Iglesias tal-Partit Unidos Podemos tax-xellug – tkellem dwar l-għażla bejn ‘demokrazija jew faxxiżmu’. Iglesias hu kritiku konsistenti tal-inklużjoni potenzjali tal-Partit Vox, tal-lemin estrem, fi kwalunkwe Gvern reġjonali ta’ Madrid.

Iglesias kien irriżenja minn Viċi-Prim Ministru Spanjol biex jikkonfronta lil Isabel Díaz Ayuso bħala l-kandidat tal-Partit Soċjalista li hu mmexxi mill-Prim Ministru ta’ Spanja  Pedro Sánchez. Meta tkellem wara l-aħħar disfatta tas-Soċjalisti, Iglesias għamilha ċara li hu għandu jwarrab għal kollox mill-politika. Isabel Díaz Ayuso ilha fil-poter, flimklien mal-Partit Ciudadanos, mill-2019 u hi, f’Marzu, iddeċidiet li ssejjaħ elezzjoni bikrija ftit wara l-kroll tal-Gvern reġjonali preċedenti. Għalkemm hi qalet diversi drabi li l-partit tagħha kien qed jittama li jmexxi l-Gvern reġjonali ta’ Madrid ‘waħdu’, il-possibbiltà ta’ alleanza mal-Vox qed titqies bħala ‘possibbiltà qawwija fin-nuqqas ta’ maġġoranza assoluta għall-PP.

Madankollu, il-Partit Popolari mistenni xorta waħda ‘iserraħ rasu’ mill-voti tal-Vox biex ikun jista’ jgħaddi l-leġislazzjoni fl-assemblea ta’ Madrid, anki f’każ li ma ssirx koalizzjoni formali bejn dawn il-partiti.

Sadanittant, il-possibbiltà ta’ ‘rabta soda’ bejn l-istess partiti qed tinkwieta sew lil ħafna politiċi Spanjoli taċ-ċentru. Qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru Sanchez kien wissa li kwalunkwe patt bejn il-Partit Popolari u Vox ‘jista’ ikun il-bidu tat-tmiem tad-demokrazija fi Spanja’. Dan wara li l-Vox, fl-2019,  sar l-ewwel entità influwenti tal-lemin estrem li aċċertat postha fil-Parlament ta’ Spanja wara għexieren ta’ snin.