Internazzjonali

Stati Uniti: Il-qattiel ta’ George Floyd jitlob ġuri ġdid

L-eks pulizija li x-xahar li għadda nstab ħati dwar il-qtil ta’ raġel iswed f’Minneapolis talab biex hu jgħaddi ġuri mill-ġdid wara dan il-verdett rari kontra uffiċjal tal-liġi fl-Istati Uniti.

L-eks pulizija, Derek Chauvin, is-sena l-oħra kien inqabad fuq video waqt li kien qed jagħfas irkopptu fuq għonq ir-raġel iswed – George Floyd – ftit wara l-arrest tar-raġel.

Chauvin kien baqa’ jagħfas irkopptu fuq għonq il-vittma li nstama’ jgħid li ma setax jieħu n-nifs u li miet ftit wara bħala konsegwenza,

L-eks pulizija nstab ħati ta’ omiċidju u ta’ qtil involontarju, madankollu l-avukati tiegħu issa preżentaw dokumenti tal-qorti li jallegaw ‘imġieba irregolari’ min-naħa tal-prosekuturi u l-ġurati. L-avukati tiegħu qalu wkoll li Derek Chauvin kien miċħud minn ġuri xieraq u li, b’konsegwenza ta’ dan, hu jista’ jeħel massimu ta’ 40 sena ħabs..

Is-sentenza ta’ Chauvin għandha tkun ikkonfermata x-xahar id-dieħel.