Internazzjonali

Stati Uniti: Lejn it-tilqim ta 70 fil-mija tal-adulti sal-bidu ta’ Lulju

Il-President Amerikan Joe Biden qed ifassal il-pjani biex sa 70 fil-mija tal-adulti fl-Istati Uniti jkunu mlaqqmin kontra l-Covid-19 sal-4 ta’ Lulju. Fl-istess ħin, hemm ukoll il-pjani biex it-tilqim jibda jingħata lit-tfal Amerikani bejn it-12 u l-15-il sena mill-aktar fis possibbli.

It-tragward ġdid ta’ Biden jaħseb biex sa 160 miljun adult jingħataw it-tilqima sħiħa sa Jum l-Indipendenza (fl-Istati Uniti). Sadanittant, il-programm mistenni li jkun irrealizzat peress li mal-105 miljuni diġà ngħataw it-tilqima kontra l-Covid u meta fl-Istati Uniti qegħdin jitlaqqmu kważi miljun adult, kuljum.

Min-naħa tiegħu, il-President Biden qal li l-Gvern qed jagħmel li jista’ biex ineħħi d-dubji dwar il-vaċċin fost in-nies u qed jittama li l-programmi tat-tilqim f’pajjiżu ‘jirrankaw mill-ġdid’ fil-ġranet li ġejjin.

Sadanittant, l-ekonomija f’Iżrael – li hu fost l-aktar pajjiżi li rnexxewlhom il-programmi tat-tilqim – kważi reġgħet fetħet totalment, bil-każi lokalizzati tal-Covid-19 jinżlu għal kważi zero. Illum aktar minn 60 fil-mija tal-Iżraeljani ngħataw talanqas tilqima waħda kontra l-coronavirus

Pajjiż ikun laħaq sitwazzjoni ta’ herd immunity ladarba jkun hemm ammont stabbilit ta’ ċittadini bi protezzjoni kontra virus bħall-Covid-19 u sal-punt fejn l-infezzjoni ma tkomplix tinfirex. F’din is-sitwazzjoni anki n-nies li ma jkollhomx immunità għall-virus xorta waħda jkunu protetti b’mod indirett.

Fil-każ tal-Covid, it-threshold  għal herd immunity hu kalkulat bejn 65 u 70 fil-mija ta’ poplu li jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni. Sadanittant,  Anthony Fauci, li hu l-konsulent mediku ewlieni tal-President Biden, jikkalkula li pajjiż ikun irid sa 90 fil-mija ta’ ċittadini mlaqqmin għal herd immunity waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tgħid li ‘għad mhux magħruf’ il-livell speċifiku għal herd immunity effettiv.