Lokali

AĠĠORNATA: Ħaddiem iweġġa’ wara li waqa’ minn għoli f’binja fil-Ħamrun

Eġizzjan ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular fi blokka ta’ appartamenti fil-Ħamrun.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3pm, fejn il-ħaddiem kien qed jaħdem fil-blokka fi Pjazza 7 ta’ Ġunju, għal xi raġuni hu waqa’ mill-għoli. Miegħu kien hemm ukoll diversi ħaddiema oħrajn.

Fil-post, issejħu l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, li ta l-ewwel għajnuna. Min-naħa tagħhom, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għenu lir-raġel jittella’.

Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, bil-kundizzjoni tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa. Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ NET News spjegaw li l-ħaddiem fortunatament aktarx li ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.