Lokali Qorti

Anzjana illiberata minn każ ta’ miżappropjazzjoni fid-‘day care centre’ ta’ Ħad-Dingli

Mara ta’ 70 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġiet illiberata minn każ ta’ miżappropjazzjoni fid-‘day care centre’ ta’ Ħad-Dingli. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrevokat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u dan peress li l-evidenza li tressqet minn naħa tal-Prosekuzzjoni kienet waħda debboli ħafna.

Philippa Borg, li kienet ‘Officer in Charge’ fl-imsemmi ċentru ma nstabitx ħatja li żammet għaliha flus mit-tombla li kienet tiġi organizzata fid-‘day care’ ta’ Ħad-Dingli u dan wara li l-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ fuq rapport li kien sar minn studenta tal-MCAST.

Hija kienet ġiet mixlija mill-Ispettur Christabelle Chetcuti li fis-17 ta’ Diċembru 2008, u fix-xhur u snin ta’ qabel, żammet għaliha flus tad-Dingli Day Centre mmexxi mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità kif ukoll li bħala uffiċjal pubbliku għamlet użu ħażin minn flejjes tal-Gvern jew tal-privat.

Borg kienet impjegata bħala ‘part-time social assistant’ mal-Ministeru għall-Politika Soċjali fl-imsemmi ċentru. Iċ-ċentru kien ikun miftuħ għall-anzjani kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa u fost l-attivitajiet li kien jorganizza kien hemm it-tombla fejn Borg kienet responsabbli mill-bejgħ tal-biljetti.

Wara t-tombla, li għaliha rċevuti tal-biljetti ma kienux jingħataw, kienet timtela karta bl-ammont tal-flus li ċ-ċentru jkun daħħal u l-flus li jkun ħareġ f’rebħ. L-attendenza fiċ-ċentru kienet ta’ bejn 25 u 30 anzjan bil-flus li kien idaħħal iċ-ċentru kienu jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tiegħu.

Bejn Ottubru u Novembru 2008 fiċ-ċentru kien hemm taħdem, bħala parti mill-istudji tagħha, studenta tal-MCAST u din irrappurtat lill-lecturers tagħha li kienet osservat diversi irregolaritajiet fiċ-ċentru fosthom li Borg kienet qed tiddikajra madwar €10 inqas minn dak li kien qed jidħol fil-bejgħ tat-tombla.

Il-leċturers infurmaw lid-Direttur tal-MCAST u din qalet lid-Direttur fid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità li għamlet rapport mal-Pulizija. Il-Pulizija bdiet tinvestiga fejn iż-żewġ assistenti ta’ Borg, ukoll allegaw li l-akkużata kienet tiddikjara ammonti inqas ta’ flus minn dak li kien idaħħal iċ-ċentru u biex dan ma jiġix innutat kienet tiġbor il-flus tal-bejgħ tal-biljetti f’żewġ skutelli tal-butir u tpoġġihom fuq xulxin ħalli ma jidhrux ħafna flus.

Kienu ingħataw lill-Pulizja rapporti oħra li saru minn persuna, li dak iż-żmien kienet tmexxi ċ-ċentru, u u tlieta oħra li kienu jaħdmu wkoll fih kif ukoll minn kunsilliera fil-lokal. Fil-kawża ssejħu biex jixhdu dawk li kienu involuti fir-rapport, inkluż ħaddiema fiċ-ċentru.

Borg minn naħa tagħha kienet qalet li omm l-istudenta li għamlet ir-rapport kienet voluntiera fiċ-ċentru u kienu jillatikaw ħafna bejniethom minħabba li kienu jżommu ma’ partiti politiċi opposti. Madankollu anke il-Maġistrat Farrugia li quddemha nstema’ l-każ fl-ewwel qorti kienet ikkonkludiet li din l-allegazzjoni ta’ Borg ma ġietx pruvata u sostniet li l-provi li tressqu irriżulta li hija ħadet flus mill-bejgħ tat-tombla għalkemm ma rriżultax l-ammont eżatt. Fuq dan l-aħħar punt il-qorti tal-appell qalet li lanqas dan ma rriżulta sal-grad rikjest mill-liġi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li x-xhieda ta’ l-istudenta tal-MCAST mhijiex kredibbli u affidabbli, u li x-xhieda mressqa mill-prosekuzzjoni ma jikkolaborawx dak li qalet l-istess studenta. Il-Qorti qalet ukoll li jista’ jagħti l-każ li hemm suspetti jew possibilitajiet li Borg għamlet dak li qed jiġi allegat, iżda l-Qorti qatta ma tista’ ssib ħtija f’xi ħadd meta l-provi jistgħu jwasslu sal-grad tal-possibbli, jew tal-probabbli, jew abbażi ta’ suspetti biss. Il-Qorti tal-Appell neħħiet ukoll ukoll l-ordni l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tagħha mogħtija mill-ewwel qorti. Għal Borg deheru l-Avukati Franco Debono, Kathleen Grima u Francesca Zarb.