Athletics Malta taspira li fl-istaġun li ġej tipparteċipa f’kompetizzjoni ta’ livell ogħli. Dan ingħad meta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet inżammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali fejn fiha ingħata wkoll rendikont dwar l-isfidi u l-kisbiet tal-aħħar sena.
Il-President ta’ Athletics Malta, Andy Grech f’għeluq l-ewwel sena tiegħu fil-kariga ta’ President, qal li l-għan prinċipali tal-ħidma tal-assoċjazzjoni matul is-sena li ġejja se jkun li l-atleti jkunu espost aktar għal livell ogħla ta’ kompetizzjoni.
Grech waqt l-istess intervent, ta ħarsa dettaljat tal-ħidma estensive li saret matul l-aħħar sena, fosthom it-tnedija ta’ struttura ġdida għat-tim nazzjonali, l-iffirmar ta’ għadd ta’ ftehmiet ma’ federazzjonijiet internazzjonali u eżerċizzju ta’ rebranding li jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-istess Assoċjazzjoni.
Daniel Scicluna Calleja, li huwa responsabbli mill-proġetti, ta ħarsa lejn l-iżvilupp estensiv li qed isir fil-Matthew Micallef St John Stadium, fl-isforzi tal-Assoċjazzjoni li tipprovdi lill-atleti lokali f’faċilitajiet aħjar u ttejjeb l-opportunitajiet li jsiru avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna.
Waqt l-istess AGM, il-Kunsill approva l-ħatra ta’ Darren Micallef bħala Teżorier ġdid. Andy Grech, il-President ta’ Athletics Malta, esprima s-sodisfazzjon tiegħu: “Ninsabu kuntenti li Darren ingħaqad magħna. L-esperjenza tiegħu fil-qasam, flimkien mal-imħabba tiegħu għall-isport huma ideali għalina bħala assoċjazzjoni. Din il-ħatra se ssaħħaħ l-istruttura professjonali ta’ Athletics Malta hekk kif se nkomplu naħdmu fuq firxa ta’ proġetti importanti għas-snin li ġejjin”.
//= $special ?>