Internazzjonali

Covid-19: L-Italja u Ċipru javvanzaw bil-programmi lejn in-normalità – u l-ftuħ tal-istaġun tat-turiżmu

L-Italja u Ċipru huma l-aktar żewġ pajjiżi li qed javvanzaw fl-isforzi biex jiftħu mill-ġdid għat-turiżmu u fejn qed jaħsbu biex jagħtu spinta mistennija lill-ekonomiji rispettivi.

Sadanittant, il-Ministru Taljan għall-Affaraijiet Barranin, Luigi Di Maio, għamilha ċara li l-Italja tinsab lesta biex tilqa’ lit-turisti barranin waqt li rrepeta l-kummenti tal-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, li ‘il-pajjiż qed iħejji biex ikattar mill-ġdid in-negozju filwaqt li joħloq ix-xogħol’.

Il-messaġġ fl-istess ħin jenfasizza li t-turisti jistgħu jżuru l-Italja mill-ġdid ‘taħt sigurtà assoluta’ wara l-aħħar xhur ta’ lockdown dovuti għall-coronavirus.

Dan ukoll meta l-pajjiż, f’nofs dan ix-xahar, se joħroġ dokument (green pass) għat-turisti li jsir effettiv proprju xahar qabel jidħol fis-seħħ dokument simili maħruġ mill-Unjoni Ewropea. Id-dokument – jew pass – fost oħrajn jippermetti għall-moviment ħieles tat-turisti fiz-zoni speċifikati.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Taljan għat-Turiżmu, Massimo Garavaglia, sostna li l-green pass tal-Italja għat-turisti se jkun validu anki għaċ-ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea. Hu innota li r-Renju Unit u l-Istati Uniti flimkien jagħmlu tajjeb għal aktar minn 30 fil-mija tat-turisti barranin fl-Italja minbarra li huma fost l-aktar turisti li jonfqu flus.

Sadanittant, Garavaglia spjega li d-dokument jaċċellera l-isforzi ta’ pajjiżu lejn in-normalità filwaqt li se jistimola l-bookings għall-btajjel fl-Italja. F’din is-sitwazzjoni jinħtieġ li t-turist jippreżenta l-provi li jkun ingħata t-tilqima kontra l-Covid-19 jew li għandu immunità mill-marda. Hu importanti wkoll li t-turisti jipproduċu l-provi li testjaw negattiv għall-coronavirus bħala aspett fundamentali ieħor għat-tkattir tat-turiżmu.

Il-Ministru, intant, hu ottimist ferm li s-settur tat-turiżmu fl-Italja jirnexxilu jieħu spinta ġdida ‘fi kwistjoni ta’ jiem aktar milli ġimgħat’ – u fost rapporti li r-reġjun ta’ Lazio, li Ruma tifforma parti minnu dalwaqt jilħaq livell ta’ herd immunity li jfisser li s-sogru ta’ infezzjoni mill-Covid-19 ikun minimu għall-aħħar.

Fi żviluppi oħra, il-Gvern ta’ Ċipru mistenni jerġa’ jiftaħ għal-attivitajiet normali mit-Tnejn, l-10 ta’ Mejju. Dan se jkun pass importanti ħafna għal din il-Gżira Stat li tiddependi mit-turiżmu għad-dħul u li ntlaqtet ħażin ħafna mill-effetti – u l-miżuri ta’ emerġenza – dovuta għall-Covid-19.

Il-Gvern ta’ Ċipru kien ħabbar lockdown ta’ ġimgħatejn fis-26 ta’ April bil-għan li jwaqqaf il-firxa tal-virus iżda l-każi ta’ infezzjoni naqsu bil-kbir fil-pajjiż mill-aħħar tax-xahar li għadda. Issa, il-Ministeru tas-Saħħa f’Nikosija qed iħejji biex jiċċara l-miżuri li jridu jittieħdu biex il-pajjiż jerġa’ jiftaħ għat-turiżmu mingħajr periklu. Madwar 32 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Ċipru s’issa ngħataw talanqas doża waħda tal-vaċċin kontra l-Covid – b’għaxra fil-mija jingħataw iż-żewġ dożi.

Issa Ċipru introduċa wkoll il-Coronapass li qed jieħu post l-SMS Movement Permit u meta dan id-dokument se jkun neċessarju biex in-nies imorru fir-ristoranti u jidħlu fil-kumplessi kummerċjali u kulturali.

Dan il-pass ‘jiftaħ il-bibien ukoll’ għas-swali tat-teatri u ċ-ċinema waqt li r-riċevimenti għan-nies (fosthom it-tiġijiet) fil-miftuħ se jkunu permessi b’limitu ta’ 200 persuna ( li jridu jibqgħu bilqiegħda) mis-17 ta’ Mejju. Mill-Ewwel ta’ Ġunju  f’Ċipru ikunu permessi l-avvenimenti fuq ġewwa għan-nies bil-‘Coronapass’.

Sadanittant, ittieħdet id-deċiżjoni biex il-bajjiet ta’ Ċipru jinfetħu mill-ġdid għan-nies bl-istess protokolli għall-ħarsien tas-saħħa li kienu implimentati matul is-sajf li għadda u bl-ebda ħtieġa biex in-nies jippreżentaw il-Coronapass.