Internazzjonali

Elezzjonijiet reġjonali u lokali fir-Renju Unit: Attenzjoni fuq il-vot fl-iSkozja

Il-Parlament Skoċċiż f'Edinburgh

Madwar 48 miljun ċittadin tar-Renju Unit illum huma msejħa biex jivvotaw f’numru ta’ elezzjonijiet, ewlenin fosthom il-Parlament Skoċċiż u is-Senedd f’Wales. Dalgħodu nfetħu wkoll il-postijiet tal-votazzjoni għal 143 Kunsill Lokali u 13-il Sindku fl-Ingilterra. Ħafna minn dawn l-elezzjonijiet kienu posposti minħabba l-pandemija.

Dan hu l-ewwel test elettorali ta’ ċertu daqs għall-forzi politiċi fir-Renju Unit mill-elezzjoni ġenerali tal-2019. Attenzjoni partikolari fuq il-votazzjoni fl-iSkozja fejn l-ikbar partit – l-iScottish National Party (SNP) – qed iwiegħed li jibda l-proċess għal referendum ġdid dwar l-indipendenza tal-iSkozja mir-Renju Unit jekk jikseb maġġoranza fl-elezzjoni tal-lum.

Minkejja li l-maġġoranza tal-poplu Skoċċiż ivvota kontra l-indipendenza f’referendum li sar seba’ snin ilu biss, l-għajta għall-indipendenza reġgħet bdiet tissemma’ wara r-referendum tal-2016 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li fih, maġġoranza assoluta ta’ Skoċċiżi kienu ivvotaw favur li R-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Iżda l-iSkozja spiċċat ħarġet mill-UE flimkien mal-bqija tar-Renju Unit b’mod effettiv fil-bidu ta’ din is-sena.

Skont l-aħħar stħarriġ, l-SNP immexxi minn Nicola Sturgeon, hu maħsub li se jżid l-appoġġ iżda għadu mhux ċert jekk hux se jkollu maġġoranza assoluta jew ikompli jmexxi l-assemblea Skoċċiża b’koalizzjoni. L-appoġġ għall-indipendenza naqas fl-aħħar ġimgħat minħabba l-inċertezza li nħolqot bil-pandemija tal-Coronavirus.