Internazzjonali

Franza: Pressjoni fuq il-Gvern wara l-qtil brutali ta’ mara taħt idejn żewġha

Grupp favur in-nisa fi Franza qed jinsisti biex il-Gvern ‘jikkonfiska l-armi tan-nar lill-persuni magħrufin għall-vjolenza’ fost ix-xokk fuq livell nazzjonali dwar il-qtil brutali ta’ mara taħt idejn żewġha.

Chahinez Boutaa, omm ta’ tlieta li kellha 31 sena, qalgħet diversi tiri ta’ arma mingħand żewġha li anki spiċċa jagħtiha n-nar. Il-każ seħħ fl-inħawi ta’ Merignac, qrib Bordeaux u l-qattiel ilu magħruf għat-tendenzi brutali tiegħu, tant li sena ilu kien spiċċa kundannat minn qorti għal vjolenza domestika.

Il-vittma hi d-39 mara li nqatlet minn sieħeb jew eks sieħeb (fi Franza) din is-sena. Sadanittant, il-Ministru Franċiż għaċ-Ċittadinanza, Marlene Schiappa, esprimiet ix-xokk tagħha għar-reat ‘f’isem in-nisa kollha’ u qalet li ‘il-ġlieda qed tkompli kontra l-vjolenza domestika u l-femiċidju.’

Il-grupp La Fondation des Femmes favur id-drittijiet tal-mara qal li l-armi tan-nar qed jintużaw għal xi 33 fil-mija tal-każi ta’ qtil tan-nisa mis-sieħba, l-eks sieħba u anki membri tal-familja tagħhom. Il-kelliema għall-grupp saħqu li l-liġi tinkoraġġixxi lill-pulizija biex, ‘bir-raġun kollu’, jikkonfiskaw l-armi lin-nies magħrufin għall-vjolenza domestika

L-istess kelliema sostnew li ‘it-twissijiet ripetuti’ dwar il-periklu tal-armi f’idejn is-sieħba vjolenti tan-nisa ilhom iż-żmien injorati mill-Ministeru tal-Intern f’Pariġi —  fost l-osservazzjoni li ‘il-qtil li għadu kemm seħħ għandu jirrepeti ruħu f’każ li t-twissijiet jibqgħu jaqgħu fuq il-widnejn torox’.