Lokali

Hyzler iwaqqa’ l-allegazzjonijiet kollha li għamel Bedingfield u jgħid li qed jipprova jimmina l-Uffiċju tal-Istandards

Il-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi George Hyzler f’ittra li bgħat lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia sostna li Glenn Bedingfield qiegħed konsistentement jimmina x-xogħol tal-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Dan billi qed jagħmel insinwazzjonijiet u akkużi infondati fil-konfront tal-istess George Hyzler u tal-impjegati fl-uffiċju tiegħu.

Fl-ittra Hyzler jirreferi għall-argumenti li għamel Bedingfield fil-Parlament f’żewġ istanzi fl-aħħar jiem. Hu sejjaħ dawn ta’ Bedingfield bħala attakki li jivvittimizzaw lill-impjegati tiegħu.

George Hyzler irrefera għall-allegazzjonijiet li għamel il-Whip tal-Gvern dwar il-paga tax-xufier tiegħu, bil-Kummissarju jgħid li x-xufier tiegħu hu mħallas inqas minn dak ta’ Ministru u jaħdem ferm aktar.

Il-Kummissarju waqqa’ wkoll kull allegazzjoni oħra li għamel Glenn Bedingfield fil-konfront ta’ impjegati fi ħdan il-Kummissarjat kif ukoll reġa’ stiednu biex jekk għandu xi provi biex jissostanzja allegazzjonijiet li baqa’ qatt ma ssostanzja, hu jagħmel dan minnufih biex b’hekk ikunu jistgħu isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Fl-ittra tiegħu lill-ispeaker, George Hyzler ried jiċċara l-fatti dwar allegazzjonijiet li għamel id-Deputat Laburista u ġibed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li l-Whip tal-Gvern ma użax il-proċess adattat biex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.