Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jilħaq ftehim biex l-atleti kollha jieħdu l-vaċċin

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali laħaq fethim mal-kumpanija Pfizer biex tipprovdi t-tilqim neċessarju biex l-atleti kollha jiġu mlaqqma qabel ma jsifru għall-Olimpjadi u l-Paralimpjadi li se jsiru fis-sajf li ġej.

Dan il-ftehim se jżid il-possibilità li l-Olimpjadi jsiru kif skedat wara li kienu posposti s-sena li għaddiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għadu mhux ċar jekk il-konsenji humiex se jkunu nklużi ma’ dawk li qed jitqassmu madwar id-dinja.

Il-Ġappun għandu rata baxxa ta’ vaċċinazzjoni u dan qajjem tħassib dwar kemm hu possibli li jsiru l-Olimpjadi iżda dan il-ftehim isaħħaħ it-tamiet li jsiru kif pjanat. L-IOC qal li l-atleti mhux se jkunu obbligati li jieħdu l-vaċċin.

Il-President tal-IOC Thomas Bach qal li l-vaċċin huwa għodda oħra li tista’ tintuża sabiex l-Olimpjadi u l-Paralimpjadi jsiru kif pjanat bl-aktar mod possibli.