Lokali

Jibqa’ jiddefendi l-kuntratt ta’ San Vinċenz

Il-Ministru tal-Anzjani Michael Farrugia ta x’jifhem li l-kuntratt skandaluż f’San Vinċenz de Paul se jibqa’ għaddej għax skont hu, l-Awditur Ġenerali wkoll qal li hu “value for money”.

Farrugia kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News, l-għada li l-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li l-Kabinett għadu jrid janalizza l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali.

Iżda minkejja ċ-ċanfira li ngħata l-Gvern, il-Ministru tal-Anzjani qal li ma jaqbilx mal-NAO. U dan meta, b’dan il-kuntratt, il-Gvern qed iħallas id-doppju ta’ kemm iħallas fil-homes privati.

Il-kuntratt – li sewa €274 miljun – lanqas biss tela’ fil-Kabinett, bil-Ministru jgħid li r-rapport għadu qed jiġi evalwat, wara aktar minn ġimgħa minn meta kien ippubblikat.

Id-difiża tal-Ministru tal-Anzjani għal dan il-ftehim jidher li għandha l-appoġġ ukoll tal-Prim Ministru Robert Abela, li lejliet qal li, skont hu, is-servizz hu “uniku”, bil-Gvern għadu qed iħallas id-doppju għal kull sodda f’San Vinċenz minn kemm iħallas fil-homes privati.

Dan minbbarra l-fatt li l-Awditur Ġenerali qal b’mod ċar li l-kuntratt kien wieħed illegali.