Coronavirus Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Konferma li 14-il pajjiż diġa’ preżentaw il-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku; Robert Abela għadu jkaxkar saqajh

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakja – dawn huma l-pajjiżi li ppreżentaw il-pjan ekonomiku tagħhom lill-Unjoni Ewropea fiż-żmien stipulat, sat-30 t’April. Id-doppju tal-ftit pajjiżi li semma’ il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana aktar kmieni din il-ġimgħa.

Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea ikkonferma ma’ Net News li l-Gvern Malti għadu ma ppreżentax il-pjan tiegħu, minkejja li ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Silvio Schembri prova jgħid bil-kontra.

Iżda l-fatt li l-Gvern ta’ Abela baqa’ ma ppreżenta xejn, huwa konfermat minn komunikazzjoni illi ircieva dan is-sit mill-Kummissjoni Ewropea.

It-tweġiba tal-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea

L-istess kelliem tal-Kummissjoni spjegalna li hekk kif pajjiż jippreżenta l-pjan tiegħu, dan imbagaħd irid jiġi approvat … u eventwalment, implimentat. Hu f’dan l-istadju li mbagħad Stat Membru jibda jirċievi l-pagamenti.

Pajjiżi li diġa’ pprezenżtaw il-pjan tagħhom skattaw dan il-proċess. U għaldaqstant għandhom ċans akbar li jibdew it-triq ta’ rkupru tagħhom hekk kif jibdew jibbenefikaw mill-pakkett finanzjarju ta’ miljuni ta’ ewro.

Dan il-pjan, fil-każ ta’ Malta, huwa responsabbilta tas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi – kif ikkonferma magħna l-Ministru Clyde Caruana. Għalkemm ħadd għadu ma jaf allura fuq xiex qed jikkonsulta Owen Bonnici, li suppost huwa l-Ministru responsabbli mill-istrateġija ta’ wara l-Covid.

Mhux magħruf għaliex il-Gvern Malti waqa’ lura fil-preżentazzjoni tal-pjan tiegħu mal-Kummissjoni. Madankollu diversi msieħba soċjali li suppost il-Gvern ikkonsulta magħħhom fit-tfassil ta’ dan il-pjan ta’ irkupru ikkonfermaw maghna li s’issa għadhom ma ssejħux la minn Kastilja u lanqas mis-Segretarju Parlamentari responsabbli. Il-Pjan għadu lanqas ma ġie preżentat lill-Parlament Malti.