Futbol Sport

Man Utd u Villarreal fil-finali tal-UEFA Europa League

(Ritratt: EPA)

Manchester United u Villarreal se jkunu qed jilgħabu l-finali tal-UEFA Europa League fis-26 ta’ Mejju li se tintlagħab f’Gdansk il-Polonja.

Fi Stadio Olimpico, Manchester United aċċertaw minn post fil-finali fejn wara r-rebħa kbira ta’ 6-2 tal-ġimgħa li għaddiet, fit-tieni leg minkejja li tilfu 3-2 xorta kwalifikaw b’aggregate ta’ 8-5. Roma ħarġu fuq l-offensiva kif kien mistenni u wara biss erba’ minuta, David De Gea salva t-tentattiv mill-viċin ta’ Gianluca Mancini. Manchester United wettqu reazzjoni u fl-20 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor iżda l-konklużjoni ta’ Edinson Cavani ħabtet mal-mimduda. Sitt minut wara l-istess player ra t-tentattiv tiegħu salvat b’mod tajjeb minn Mirante biex l-attakkant Urugwajan, fetaħ l-iskor fl-40 minuta meta minn pass ta’ Fred ikkonkluda fix-xibka għal 1-0. Fit-tieni taqsima, Roma ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta meta minn cross ta’ Pedro, kien EDIN DZEKO li għamilhom 1-1. Roma dawwru l-partita favur tagħhom meta tliet minuti wara kien BRYAN CRISTANTE li għamilhom 2-1 meta kkonkluda fuq pass ta’ Pelligirini. Fil-61 minuta, it-tim ta’ Paulo Fonseca seta’ daħal fil-konfornt meta d-daqqa ta’ ras ta’ Edin Dzeko kienet salvata b’diffikultà minn De Gea. Roma baqgħu fuq l-offensiva u reġa kien il-goalkeeper Spanjol li salva t-tentattiv ta’ Cristante. It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer ġab l-iskor indaqs fid-69 minuta meta kien għal darb’oħra EDINSON CAVANI li b’daqqa ta’ ras tajba għamilhom 2-2 u 8-4 bl-aggregate. Roma reġgħu marru fil-vantaġġ fit-83 mimuta meta minn cross ta’ Davide Santon, kien NICOLA ZALEWSKI li kkonkluda għal wara De Gea.

Fl-Emirates Stadium, Arsenal u Villarreal temmew fi draw ta’ 0-0 biex b’hekk kwalifikaw b’aggregate ta’ 2-1 wara r-rebħa ta’ l-ewwel leg. Wara bidu bilanċjat, Arsenal resqu viċin li jiftħu l-iskor fis-27 minuta meta x-xutt mill-ewwel ta’ Pierre-Emerick Aubameyang ħabat mal-lasta u għadda barra. Fit-tieni taqsima, Arsenal mal-ewwel fuq l-offensiva u fis-47 minuta l-konklużjoni ta’ Nicolas Pepe għaddiet ftit barra. It-tim ta’ Mikel Arteta resaq qrib għal darb’oħra fid-49 minuta iżda l-konklużjoni ta’ Smith-Rowe għaddiet tħakkek mal-wieqfa. Arsenal komplew ikunu offensivi u fit-73 minuta, minn cross ta’ Pepe, d-daqqa ta’ ras ta’ Holding għaddiet ftit barra. Minn kontrattakk veloċi, Arsenal kienu għal darb’oħra viċin li jiftħu l-iskor meta minn cross ta’ Bellerin, id-daqqa ta’ ras ta’ Aubameyang ħabtet mal-wieqfa, bit-tim imexxi minn Unai Emery jagħraf jagħlaq l-ispazzji b’mod tajjeb u jagħmilha għall-finali.