Lokali

Partit imġedded b’ideat friski u innovattivi

Il-Partit Nazzjonalista qed jiġġedded b’ideat friski u innovattivi. U hu fuq dan il-ħsieb li nħolqu l-14-il cluster, li se jaraw li l-politika tal-partit tkun ibbażata fuq ir-riċerka, iżda wkoll fuq il-konsultazzjoni.

Hekk qalet il-President tal-Partit Nazzjonalista għar-Riċerka Politika, Martina Caruana, li matul il-programm NET Live fissret dan il-proċess bħala magna li qed taħdem bl-involviment ta’ ħafna nies u b’ħafna xogħol minn wara l-kwinti.

Martina Caruana qalet li l-clusters qed jgħinu lill-Partit Nazzjonalista jiġġedded, mhux biss billi jiġbed nies minn setturi differenti tal-ħajja, iżda wkoll billi l-politika tinbena b’viżjoni fit-tul.

Min-naħa tiegħu, l-Opinjonista u Konsulent fil-qasam tax-Xogħol Gejtu Vella qal li l-politika trid issir b’konsultazzjoni u ladarba l-politika tolqot lin-nies, kulħadd għandu jkun parti diretta minn kif issir. Dan filwaqt li tenna l-importanza li l-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika.

U l-Avukat Trevor Degiorgio spjega li fil-clusters hemm nies minn kull settur tas-soċjetà u dan jagħmilhom aktar dinamiċi. Spjega li matul il-laqgħat li qed isiru, hemm diskussjoni fuq ideat li wħud minnhom jaf lanqas qatt ma jgħaddu minn moħħ il-politiku, iżda joħorġu minn min hu aktar intiż dwar is-suġġett. Hu għalhekk li toħroġ dejjem aktar l-importanza ta’ dawn il-clusters ta’ politika.