Ekonomija Lokali

WARA L-PROPOSTI TAL-PN: Anke l-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi qafas ta’ taxxa li jgħin lin-negozji

Il-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat li jiġi rivedut il-qafas legali tat-taxxa applikabbli għall-kumpaniji sabiex in-negozji lokali jkunu megħjuna biex ikunu aktar kompetittivi fl-ambjent globalizzat li joperaw fih. Din taqbel mal-idea li qed jimbotta ‘l quddiem il-PN, għal sistema ta’ taxxa aktar moderna, u ġusta man-negozji.

Fi stqarrija, il-Kamra saħqet li l-investiment privat għandu jiġi inċentivat ħalli jinvesti fi proġetti infrastrutturali u fl-ekonomija l-ħadra peress li dan iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja. Dan intqal wara laqgħa virtwali li l-Malta Chamber kellha mal-Prim Ministru u mal-Ministru Silvio Schembri.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb elenkat diversi punti li qed jaffettwaw in-negozji u spjegat kif dawn jistgħu jiġu indirizzati biex jistimulaw l-irkupru u jinkoraġixxu t-tkabbir. Il-President tkellmet fuq l-isfidi u l-inċertezzi li qed jaffaċċjaw numru ta’ setturi ekonomiċi bħat-turiżmu, l-arti, d-divertiment, il-kura tal-anzjani u l-ħwienet. Semmiet ukoll kif l-aċċess aħjar għall-finanzi u aktar ċarezza fuq il-futur tas-suppliment fil-pagi jgħin lin-negozji fl-ippjanar finanzjarju tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jinvestu. Saret ukoll referenza għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi u l-ħtieġa li tissaħħaħ it-trasparenza filwaqt li jkun hemm pjattaforma ugwali għal kulħadd.