Lokali Qorti

Wettaq ‘hold-up’ għal €20 f’pastizzerija bil-premessa li jroddhom lura

Raġel ta’ 41 sena, minn Ħal Għaxaq ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li huwa wettaq ‘hold up’ fejn talab €20 għad-droga lil tfajla ta’ 19-il sena, li taħdem f’pastizzjerija fejn wara li skuża ruħu wegħda li kien se jrodd lura l-flus. Kevin Borg ammetta li wettaq il-‘hold-up’ permezz ta’ mus u li għamel dan wara li reġa’ waqa’ għall-vizzju tad-droga wara li dan l-aħħar għadda minn problemi soċjali.

L-Ispettur Lydon Zammit talab lill-Qorti biex Borg jingħata l-għajnuna kollha possibbli u dan għal diversi raġunijiet. Qal li fil-passat huwa kellu l-vizzju tad-droga li ħareġ minnha u beda jgħix ħajja normali. Madankollu dan l-aħħar huwa reġa’ waqa’ għall-vizzju.

Qal li dan huwa każ sfortunat u talab biex Borg ma jintbagħatx il-ħabs u jingħata probation u ordni ta’ trattament. L-Avukat Ramon Bonnet Sladden li deher għal Borg qal li jaqbel perfettament mal-Prosekuzzjoni fejn tenna wkoll li l-klijent tiegħu qed jiġi mgħejjun minn social worker u sejjer tajjeb ħafna. Qal li l-importanti huwa li jeħles mill-vizzju tad-droga.

Borg ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza, sekwestru ta’ persuna, li ġarr mus bla liċenzja u li sar reċidiv. Il-Qorti tagħat ċans lil Borg jaħsibha fuq l-ammissjoni, fej kkonferma l-ħtija tiegħu. Dwar dan il-każ saret investigazzjoni konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, li waslet biex jissolva l-każ, bil-‘ hold-up’  isir  fi Triq Tumbarellu, Ħal Għaxaq.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn illi għadda, meta għall-ħabta 3.15pm. u minn aktar stħarriġ, il-Pulizija rnexxielha tidentifika lil Borg, li ġie arrestat l-Erbgħa, wara nofsinhar minn residenza f’Ħal Għaxaq. Il-Prosekuzzjoni se tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Janetta Grixti. Is-sentenza mistennija tingħata nhar it-Tnejn filgħodu.