Lokali Qorti

Att ta’ akkuża konġunta kontra allegati traffikanti tad-droga tista’ tikser id-drittijiet

Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li jista’ jinkiser id-dritt ta’ Priscilla Cassar għal smigħ xieraq taħt l-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea, fuq każ ta’ traffikar ta’ droga dan wara li l-ġuri fil-konfront tagħha ġie appuntat flimkien ma’ ta’ Angelo Bilocca, li huwa ko-akkużat, meta dan huwa mħarrek bħala xhud tagħha fl-istess ġuri. Dan kollu fid-dawl tal-fatt li l-akkużi ħarġu flimkien.   

Angelo Bilocca ta’ 43 sena u Priscilla Cassar ta’ 39 sena, t-tnejn mis-Siġġiewi kienu tressqu l-Qorti fl-2012 u wieġbu mhux ħatja li kkonfoffaw biex jimportaw u jittraffika kilo droga kokaina u li saru reċidivi. L-Imħallef Lawrence Mintoff qal fid-deċiżjoni tiegħu li l-Avukat Ġenerali għandu jiżgura li ma jseħħx l-imsemmi ksur u li jkun aħjar li ma jakkużax lit-tnejn flimkienu għaldaqstant laqgħet it-talba ta’ Cassar.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-jeddijiet fundamentali tal-akkużata għal smigħ xieraq jistgħu jiġu ppreġudikati f’każ li tinħoloq sitwazzjoni fejn persuna meqjusa bħala kompliċi jew awtur magħha fil-fatt, ma jkollhiex l-opportunità li tixhed fil-proċeduri kontriha jew favur tagħha, sabiex toħroġ il-verità kollha u tingħata stampa kompluta tal-fatti kif ġraw. F’dan ir-rigward l-Avukat Ġenerali għandu jiżgura li ma jseħħx l-imsemmi ksur tad-drittijiet tagħha.

Il-koppja kienu ġew arrestati wara kunsinna kkontrollata ta’ kilo kokaina. Dwar dan il-każ l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma kien xehed li fit-2 ta’ Ottubru, 2012 huwa kien stazzjonat bħala Spettur tad-‘Drug Squad’ u kellu x’jaqsam ma’ titjiriet deħlin minn Spanja. Qal li dak iż-żmien il-Pulizija kellha tagħrif li kienu qegħdin jiġu ‘couriers’ bid-droga moħbija fil-bagalja jew fuq persunithom minn diversi bliet minn f’dak il-pajjiż, fosthom minn Valencia, Girona u Madrid.

Qal li l-Pulizija kienet taf li kien hemm għadd ta’ Niġerjani li kienu qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol, u għalhekk l-uffiċjali tad-Dwana waqqfu Niġerjan partikolari, bl-isem ta’ Paul Ofor waqt li kien dieħel Malta. Huwa qal li x’ħin saret tfittxija fuq din il-persuna ma nstab xejn, u dan ġie segwit sakemm daħal f’lukanda partikolari. Il-Pulizija kisbet ‘warran’t sabiex tagħmel tfittxija fuq persuna oħra li kienet alloġġata f’din il-lukanda, u fil-fatt instabet kilo sustanza bajdanija, li l-Pulizija ssuspettaw li kienet kokaina.

Qal li saru xi arresti u l-persuni arrestati qablu li ssir ‘controlled delivery’ sabiex jiġu identifikati l-persuni li d-droga kienet maħsuba għalihom hawn Malta. Qal li fil-fatt instab li d-destinatarji aħħarin ta’ din is-sustanza kienu Angelo Bilocca u Priscilla Cassar.

Qal li waqt li l-Pulizija kienu ser jinterċedu, Cassar ippruvat taħrab u taħbi l-affarijiet sakemm eventwalment din ġiet arrestata mill-Pulizija. Theuma kien qal li aktar milli qiegħda titqies bħala xhud, Cassar hija meqjusa bħala kompliċi ma’ Bilocca.

Fir-rikors li għamlet permezz tal-Avukati Giannella Demarco u Stephen Tonna Lowell, l-akkużata qalet li l-Avukat Ġenerali akkużaha talli kienet assoċjat ruħha ma’ persuna jew persuni oħra ġewwa u barra minn minn Malta sabiex timporta, tbigħ jew tittraffika mediċina u droga oħra bi ksur tal-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi, jew ippromwoviet, organizzat jew iffinanzjat din l-assoċjazzjoni, talli hija reċidiva f’delitti, talli ssoprimiet jew b’xi mod qerdet jew bidlet ittraċċi jew l-indizji ta’ reat, u talli hija reċidiva f’numru ta’ delitti.

Hija kompliet tispjega li fl-istess att ta’ akkuża qiegħed jiġi akkużat ukoll Angelo Bilocca u spjegat li l-ko-akkużat Angelo Bilocca ġie indikat minnha bħala xhud, u x-xhieda tiegħu hija meqjusa bħala essenzjali u kruċjali. Priscilla Cassar u Angelo Bilocca qed iwieġbu mhux ħatja li kkonfoffaw biex jimportaw u jittraffikaw id-droga.

Cassar qed tiċħad ukoll l-akkuża dwar tbagħbas tal-evidenza. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet tinsab konvinta li jekk il-proċessi jiġu separati u jinħolqu ċirkostanzi fejn Angelo Bilocca jkun jista’ jitqies li huwa xhud ammissibbli, il-prosekuzzjoni mhijiex se tispiċċa żvantaġġata minħabba f’dak li għandu xi jgħid Angelo Bilocca.

Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni jkollha jedd tagħmel il-kontro-eżami tagħha, anki abbażi ta’ provi u xhieda oħra li se jinstemgħu waqt il-ġuri u għalhekk m’hemmx il-biża’ li b’dak li se jgħid Angelo Bilocca, il-każ tal-prosekuzzjoni b’xi mod se jiġi ppreġudikat. Hemm salvagwardji legali u proċedurali suffiċjenti fis-sistema ġudizzjarja tagħna sabiex dan ma jiġrix.

Il-Qorti tqis li f’każ li l-ġuri ta’  jiġi appuntat u jinstema’ wara li jiġi determinat il-proċess fil-konfront ta’ Angelo Bilocca, il-garanziji kostituzzjonali u konvenzjonali mfassla biex jissalvagwardjaw smigħ xieraq u parità tal-armi lid-difiża u lill-prosekuzzjoni, mhux ser jiġu mfixkla jew mittiefsa.

L-artikolu 591 tal-Kodiċi Kriminali jagħmilha ċara li, “Akkużi kontra żewġ persuni jew aktar bħala awturi jew kompliċi fl-istess reat, jew bħala ħatjin ta’ reati diversi li jkollhom konnessjoni bejniethom, jistgħu jinġiebu f’att ta’ akkuża wieħed u iġġudikati kollha fl-istess kawża, għalkemm xi wieħed minn dawn ir-reati jkun ta’ kompetenza inferjuri.”

Huwa ċar qalet il-qorti għalhekk li l-Avukat Ġenerali għandu diskrezzjoni fil-mod kif jagħżel li jipproċedi fil-każ ta’ żewġ persuni li jkunu meqjusa li huma ko-awturi jew kompliċi fl-istess reat.