Lokali Qorti

€560,000 f’kumpens wara li ma setax igawdi il-propjetà tiegħu fil-Belt Valletta

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisidizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat tal-Istat jagħti kumpens ta’ €560,000 lil sid ta’ propjetà kummerċjali fi Triq il-Merkanti u Triq San Pawl, il-Belt Valletta. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff sabet li Carmel Apap Bologna Sceberras d’Amico Inguanez ġie mċaħħad milli jgawdi l-valur tal-proprjetà tiegħu għal 32 sena sħaħ, bejn l-1987 u l-2019.

Mill-provi rriżulta li l-proprjetà kienet ġiet mikrija fl-1964 għall-kera ta’ LM400 fis-sena għall-fond fi Triq Merkanti u LM100 fis-sena għall-fond fi Triq San Pawl. Minkejja l-liġi tal-2009 xorta ma nżammx bilanċ gust fejn mill-2010 kienet qed titħallas il-kera b’żieda ta’ 15% kull sena sal-2013 u żieda ta’ 5% mill-2014.

Il-kirja fl-2019 kienet ta’ €2,599.90 pagabbli kull sitt xhur bil-quddiem. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li s-sid tal-proprjetà nkisrulu d-drittijiet għat-tgawdija u lil min qed jikri l-post biex ma jibqax jistrieħ fuq il-liġi sabiex ikompli jokkupa u jikri l-fond.

Sid il-propjetà beda proċeduri kontra l-Avukat Ġenerali, illum Avukat tal-Istat u l-kumpanija N. Caruana & Sons Limited. Il-Qorti kkonsidrat li mill-provi jirriżulta li l-fond kien u għadu qiegħed jintuża sabiex minnu jiġi ġestit negozju tal-familja Caruana, u għalhekk ma jirriżultax li f’dawn is-snin kollha huma ma kinux f’pożizzjoni li jħallsu kera li hija viċin il-valur fis-suq miftuħ tal-proprjetà.

Jirriżulta wkoll li n-negozju tal-familja Caruana jitmexxa minn parti żgħira biss tal-fond, il-parti t’isfel li tagħti għal fuq Triq il-Merkanti, u għalhekk din qiegħda tokkupa fond ta’ daqs konsiderevoli meta mhijiex tagħmel użu minnu kollu. Huwa ppruvat ukoll li f’dan il-każ hemm sproporzjon qawwi bejn il-kera attwalment irċevuta mir-rikorrent u l-valur tal-fond fis-suq miftuħ tal-proprjeta, u r-rikorrent se jkollu jistenna sas-sena 2028 biex ikun jista’ jieħu lura l-pussess tal-fond.

Jirriżulta wkoll li minkejja li l-familja Caruana ilha fil-pussess tal-fond għal dawn is-snin kollha, huma qajla ħadu ħsieb jagħmlu l-miljoramenti meħtieġa, u parti sostanzjali mill-fond tħalliet fi stat ta’ abbandun u dilapidazzjoni, Il-Qorti qalet li quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, il-kumpens li għandu jitħallas lir-rikorrent mill-intimat Avukat tal-Istat għandu jkun fl-ammont ta’ €550,000, filwaqt li għandhom jitħallsu danni, u €10,000 f’danni oħra. Il-Qorti ordnat ukoll biex tintbagħat kopja tas-sentenza lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.