Internazzjonali

Id-dinja tipprepara biex tilqa’ il-fdalijiet minn rokit taċ-Ċina

Id-debri – jew fdalijiet – minn rokit taċ-Ċina mistennija jaqgħu lura fid-dinja fi tmiem il-ġimgħa. Dan se jseħħ bħala parti minn proċess li ma jistax ikun ikkontrollat u li hu magħruf bħala ‘re-entry’ fl-atmosfera tagħna.

Is-segment ewlieni tal-vettura spazzjali bl-isem Long March-5b kien intuża matul ix-xahar li għadda biex itella l-ewwel ‘module’ tal-istazzjon tal-ispazju ġdid taċ-Ċina. L-istess segment, li jiżen 18-il tunnellata, hu fost l-akbar oġġetti li qatt ‘waqgħu lura mingħajr l-ebda direzzjoni’ fl-atmosfera tad-dinja għal għexieren ta’snin.

Intant, l-Istati Uniti, li qed issegwi d-direzzjoni tad-debri, mhix tippjana biex ‘tispara għal fuqu bil-għan li timminimizza l-potenzjal tal-periklu’.

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin qal li ‘huma qed jittamaw li d-debri jaqa’ f’post fejn ma jsir ħsara lil ħadd’ u meta hemm ukoll  possibbiltà li l-fdalijiet jinżlu direttament f’xi oċean.

L-esperti f’dan il-qasam, intant, jemmnu li l-mument ta’ ‘re-entry’ tad-debri fid-dinja għandu jseħħ f’xi ħin bejn għada, is-Sibt u l-Ħadd.