Internazzjonali

Il-BrażiL: Pulizija akkużati bi qtil abitrarju ta’ suspettati kriminali f’Rio de Janeiro

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-ħarsien tad-Drittijiet Umani kritika bil-qawwi lill-Pulizija Brażiljana dwar rejd fuq suspettati traffikanti tad-droga f’Rio de Janeiro. Dan fost allegazzjonijiet dwar ‘abbużi’ u ‘qtil abitrarju ta’ persuni li pruvaw iċedu lill-istess pulizija’ waqt ir-rejd.

L-aktar rejd qattiel mill-pulizija fl-istorja ta’ Rio de Janeiro kellu jissarraf f’talanqas 25 vittma, fosthom uffiċjal tal-pulizija.Sadanittant, l-akbar kundanna hi riservata għall-pulizija li qatlu xorta waħda lis-suspettati li kienu qed iċedu ruħhom volontarjament lill-uffiċjali tal-liġi – bil-pulizija anki jidħlu fir-residenzi tas-suspettati mingħajr il-mandat (warrant) meħtieġ.

Intant, il-pulizija qed jiddefendu lilhom infushom kontra l-akkużi fost insistenza li kienu kostretti jieħdu azzjoni biex jipproteġu lilhom infushom.

Diversi setturi ta’ Rio de Janeiro – waħda mill-aktar bliet vjolenti fil-Brażil – huma kontrollati mill-kriminali b’rabtiet mal-gruppi li jitraffikaw id-droga. Intant, il-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà Brażiljani kemm-il darba qed ikunu akkużati b’li qed jużaw ‘il-forza żejda’ fl-azzjonijiet kontra suspettati kriminali.

Ir-rejd tal-Ħamis f’Jacarezinho – waħda mill-akbar favelas (zoni fejn jgħixu l-ifqar persuni) ta’ Rio – tmexxiet minn xi 200 uffiċjal tal-pulizija bl-appoġġ ta’ ħelikopter armat. Iz-zona hi kontrollata mill-Comando Vermelho, li hi fost l-akbar organizzazzjonjiiet kriminali fil-Brażil.

Intant qed jkiċċirkulaw filmati ta suspettati kriminali, armati sa snienhom, huma u jaqbżmu mis-soqfa tal-bini — flimkien ma’ filmati dwar sparaturi bejn ‘dawn l-irġiel u l-pulizija’ waqt li l-qawwiet tal-liġi kienu qed ‘jinvadu’ lir-residenzi.