Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid sistema ġusta ta’ taxxa

Sistema ta’ tassazzjoni li tkun ġusta u ma tiddiskriminax – hija din il-wegħda li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech… wegħda li qed tintlaqa’ tajjeb ħafna minn diversi persuni minn oqsma differenti tal-ħajja.

Waqt il-programm Net Live, il-Perit David Xuereb saħaq li dan is-suġġett huwa importanti ħafna speċjalment biex kulħadd ikun jista’ joħroġ mid-daqqa tal-pandemija. David Xuereb spjega kif inċentivi bħal dawn jistgħu jgħinu lin-negozji ….biex imbgħad l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber.

Fl-istess programm….l-Awditur, Antoine Borg, saħaq li l-Gvern għandu jidħol fiż-żarbun tal-poplu biex jara kif t-taxxa, li hija piż fuq kulħadd, tkun tista’ tintuża’ b’risq il-ħaddiema u n-negozji ta’ pajjiżna. Saħaq li l-Gvern għandu jinċentiva lin-negozji biex dawn ikomplu jagħmlu investiment ħalli l-pajjiż kollu jagħmel suċċess.

Intant, fi stqarrija, l-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat li jiġi rivedut il-qafas legali tat-taxxa applikabbli għall-kumpaniji sabiex in-negozji lokali jkunu megħjuna biex ikunu aktar kompetittivi fl-ambjent globalizzat li joperaw fih. Din il-proposta taqbel mal-idea li qed jimbotta ‘l quddiem il-PN, għal sistema ta’ taxxa aktar moderna, u ġusta man-negozji.