Ivan Barbara, il-Malti ta’ 47 sena li miet bil-COVID-19 mumenti qabel inġieb lura Malta waqt li kien l-Indja ma’ martu biex jaddottaw tifla, xtaq li jieħu l-vaċċin qabel ma telaq minn pajjiżna. Meta għamel din it-talba, l-awtoritajiet qalulu li ma setax jagħmel dan għaliex ma kienx imiss lilu. Jidher li Barbara tkarrab biex jingħata l-vaċċin qabel telaq minn Malta iżda dan kollu kien għalxejn. Dawn id-dettalji ħarġu ftit tal-ħin ilu fuq is-sit ta’ Newsbook fejn kien spjegat x’qalu sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, kien mistoqsi dwar dan, waqt l-programm Newsbook Q&A. Il-Ministru saħaq li ma nistgħux niġu f’sitwazzjoni fejn kulħadd jagħmel ir-regoli hu. Mistoqsi għalfejn il-vaċċin ma ngħatax lil persuna li kien sejjer f’post li fih kien hemm riskju, Chris Fearne qal li kieku kulħadd jiġi bir-raġunijiet tiegħu biex jieħu l-vaċċin.
Dawn il-kummenti tal-Ministru ma tantx niżlu tajjeb mal-pubbliku inġenerali fejn filfatt persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li dawn il-kummenti ta’ Chris Fearne qed isiru fi żmien fejn ta’ kull ġimgħa qed ikun hemm għidut li qed ikun hemm persuni li jingħataw il-vaċċin meta ma jkunx imisshom jagħmlu dan. Persuni oħrajn qallulna i saħansittra rċevew telefonata minn Ministeri differenti biex jingħataw il-vaċċin meta ma kienx imiss lilhom.
Fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista talab li ssir inkjesta dwar dan, fejn skont il-Ministru tas-Saħħa din l-inkjesta mitluba mill-Kap tal-PN Bernard Grech issa ingħalqet.