Lokali

Jappellaw lill-Gvern biex jieħu f’konsiderazzjoni l-effett tal-kannabis fuq it-trabi fil-ġuf

“Ikun sewwa li qabel jipproċedi, il-Gvern jisma’ b’attenzjoni l-fehmiet mhux biss ta’ min juża s-sustanza, imma ta’ kull min din il-materja tolqothom. L-ilħna ta’ min hu mġarrab (jew kien mifni) bil-problema tad-dipendenza, tal-qraba, tal-esperti mediċi u dawk li jaħdmu fir-riabilitazzjoni, u tal-pubbliku wkoll jeħtieġ li jinstemgħu.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa minn Malta Unborn Child Movement, Malta Midwives Association u National Council of Women fejn qalu li t-trabi fil-ġuf jistgħu jiġu affetwati minn dan it-tibdil iżda m’għandhomx leħen biex isemmgħu t-tħassib tagħhom dwar dan.

L-istqarrija tkompli li riċerki li saru juru li t-tipjip tal-kannabis waqt it-tqala huwa assoċjat ma’ ċans ikbar li t-tarbija titwieled mejta. Jista’ jkun hemm ukoll diffikultajiet f’ċerti kapaċitajiet intellettwali importantissimi fit-tfal wara t-twelid. Hemm anke xi sinjali li l-użu tal-kannabis waqt it-tqala jaf iżid il-periklu li t-tarbija jkollha problemi bl-awtiżmu.

Għalhekk, il-Malta Unborn Child Platform (MUCP) jappoġġja bis-sħiħ l-istqarrija konġunta tal-OASI, il-Caritas u l-Malta Psychiatric Association li turi kif il-ħafna mill-miżuri proposti jistgħu jirriżultaw fi ħsara lis-soċjetà u individwi vulnerabbli jekk jissarrfu f’liġi.