Lokali

Konferma li l-Gvern għadu ma preżenta xejn lill-UE

Għall-Ministru f’Kastilja Carmelo Abela…il-fatt li l-Gvern għadu ma preżentax il-Pjan ta’ Rkupru lill-Unjoni Ewropea mhix xi ħaġa li tinkwetah wisq…għaliex hemm pajjiżi oħra li naqsu. Carmelo Abela baqa’ jġib dan l-argument meta pressat mid-domandi ta’ Net News, wara li din il-ġimgħa żvelajna kif 14-il pajjiż diġà ħarbu jiġru aktar mill-Gvern Malti.

“Issemiet ċertu data, li qisu kienet data ta’ skadenza…. infakkar li hemm numru ta’ pajjiżi tal-UE li għadhom ma preżentawx dan ir-rapport.

Int għedtli hemm 14-il pajjiż li taw ir-rapport, jiġifieri nofs il-pajjiżi taw dan u nofshom le”

Carmelo Abela stqarr li mal-MCESD ġew diskussi xi punti dwar dan il-pjan li għadu mhux preżentat lill-Kummissjoni Ewropea, iżda naqas milli jwieġeb għaliex l-abbozz baqa’ ma tressaqx fil-Parlament.

“Saret preżentazzjoni, fl-aħħar laqgħa li kellna mal-MCESD, ma nafx id-data… iva saret il-preżentazzjoni tagħhom

Mistoqsija sussegwenti: “Fil-Parlament għaliex le?”

Il-Ministru għażel li ma jweġibx din id-domanda.

S’issa, hemm 14-il pajjiż li diġà ppreżentaw il-pjan tagħhom lill-UE. U għaldaqstant għandhom ċans akbar li jibdew it-triq ta’ rkupru u jibbenefikaw mill-pakkett finanzjarju ta’ miljuni ta’ ewro.

Dan il-pjan, fil-każ ta’ Malta, huwa responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, kif ikkonferma magħna l-Ministru Clyde Caruana aktar kmieni din il-ġimgħa.

Mhux magħruf għaliex il-Gvern Malti waqa’ lura fil-preżentazzjoni tal-pjan tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea b’kelliem ghall-Kummissjoni jikkonfermalna li l-pajjizi li ressqu l-Pjan ta’ Irkupru kienu l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, u s-Slovakja.