Lokali Qorti

Konfermat il-pleġġ għal xufier ta’ taxi mixli b’pusses aggravat ta’ droga

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ikkonfermat il-pleġġ mogħti lil Angus Camenzuli ta’ 25 sena minn Ħ’Attard li nhar it-Tlieta, ingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli fil-qorti b’pussess aggravat ta’ kokaina. Il-Qorti kkonfermat deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati wara appell li sar mill-Avukat Ġenerali, anke jekk kien hemm xi tibdil fil-kundizzjonijiet mogħtija lill-akkużat. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Camenzuli ġie arrestat matul il-lejl bejn it-2 u t-3 ta’ Mejju li għadda wara li twaqqaf f’ ‘roadblock’ fi Triq il-Wied, l-Imsida. Tfittxija fil-karozza tiegħu wasslet għas-sejba ta’ 87 qartas ta’ kokaina taħt is-sit ta’ wara tas-sewwieq. Dwar dan il-każ l-Maġistrat Josette Demicoli qed tmexxi inkjesta maġisterjali.

Il-prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-argument li r-raġel kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-ħelsien mill-arrest u li huwa reċidiv. L-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Francesca Zarb deheru għalih kien argumenta li għalkemm il-qratas kienu nstabu taħt is-sit, dawn kienu pożizzjonati b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li kienu tpoġġew hemmhekk minn passiġġier. Debono qal ukoll li l-karozza kienet taxi u għalhekk numru ta’ passiġġieri kienu fiha matul il-ġurnata.

Huwa sostna li x-xhieda tal-każ kienu diġà xehdu qabel l-inkjesta li kienet għaddejja u allura ma kien hemm l-ebda riskju li jiġu avviċinati mill-akkużati peress li ma kellhomx bżonn jerġgħu jixhdu. L-Avukat Debono argumenta wkoll li l-Qorti tista’ tikkoverta ruħha f’Qorti ta’ droga u hawn is-sitwazzjoni tkun waħda differenti fil-konfron tal-klijent tiegħu.

Dwar il-ksur ta’ bail id-difiża fakkret ukoll li fil-Parlament għandha tinbidel il-liġi u li d-diskussjoni dwar dan tinsab fi stadju avvanzat, u dan fejn il-pożizzjoni legali dwar il-ksur ta’ bail mistennija tinbidel radikalment.  Il-Qorti Kriminali qalet li ma taqbilx mal-Avukat Ġenerali li Camenzuli li l-akkużat ma messu qatt ingħata l-pleġġ, iżda qalet li meta wieħed iqis il-karattru tal-akkużat li mhux wieħed feliċi, l-qorti tal-maġistrati messha mponiet kundizzjonijiet aktar iebsa fuqu biex filwaqt jingħatalu dan il-ħelsien, tassigura li joqgħod għall-ordnijiet tal-Qorti u l-kundizzjonijiet li timponi u tagħmilhielu aktar diffiċli li jipprova jiksirhom.

Għaldaqstant id-depożitu minn elf ewro, tela’ għal 4,000 u l-garanzija personali minflok ta’10,000, issa niżlet għal 6,000 ewro, li l-akkużat ma joħroġx mid-dar qabel is-6.00am. u jkun id-dar sas-7.00pm. u minflok jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa, jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara bejn is-7.00am. u s-6.00pm.

Kundizzjoni oħra miżjuda mill-Qorti Kriminali hija li huwa qed ikun ipprojbit milli jersaq f’distanza ta’ anqas minn 50 metru mill-kosta jew mill-akkwati ta’ port jew ajrupost.  Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Colin Sheldon u Justine Grech.