Lokali

Kuntratt illegali… iżda xorta mhux qed jiġi investigat

Il-Ministru tal-Anzjani Michael Farrugia jibqa’ jiddefendi l-kuntratt skandaluz ta’ San Vincenz de Paule, kuntratt ta’ iktar minn 270 miljun ewro li qatt ma tela’ quddiem il-Kabinett. Dan minkejja li l-Awditur Ġenerali qal b’mod ċar illi l-kuntratt kien wieħed illegali.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Pulizija mhux qed tinvestiga dan il-kuntrett illegali, Michael Farrugia farfar mir-responsabbiltà tiegħu bħala Ministru li taħtu jaqa’ dan is-settur meta qal li l-Gvern qed jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu filwaqt li l-pulizija qed tagħhmel l-evalwazzjoni tagħha.

Michael Farrugia ma eskludiex li meta sar dan il-kuntratt kien hemm żbalji li ma messhomx saru. FI kliemu stess huwa qal li huma normali li wieħed jitgħallem mill-iżbalji li jagħmel u reġa’ saħaq li dan il-kuntratt messu tela’ quddiem il-Kabinett.

Ir-rapport tal-NAO fuq il-kuntratt ta’ San Vinċenz de Paul huwa kundanna ċara lejn il-Gvern, hekk kif iqumu diversi dubji dwar il-fatt li ma nħarġet ebda sejħa għal dan il-proġett.

L-Awditur saħansitra jgħid illi possibbilment, il-proċess kollu marbut ma’ dan il-kuntratt, jaf kien invalidu.