Internazzjonali

L-elezzjonijiet fir-Renju Unit: Disfatta storika għall-Partit Laburista f’Hartlepool

L-elezzjonijiet ta’ din il-ġimgħa fl-Ingilterra rriservaw waħda mill-akbar sorpriżi, fejn il-Partit Konservattiv fil-Gvern rebaħ il-by-election f’Hartlepool – fortizza tradizzjonalment ‘ħamra’ – b’maġġoranza ta’ kważi 7,000 vot u fejn is-swing tal-appoġġ mill-Partit Laburista favur it-Tories kien ta’ 16 fil-mija.

Ir-riżultat ifisser disfatta storika għal-Laburisti taħt it-tmexxija ta’ Keir Starmer u meta din hi anki l-ewwel darba li kandidat Konservattiv – f’dan il-każ, Jill Mortimer —  kien elett għall-Parlament mill-belt ta’ Hartlepool mindu twaqqfet din il-kostitwenza fl-1974.

Intant, ir-riżultati tal-elezzjonijiet lokali – li għadhom deħlin mill-Ingilterra – qed jidhru ferm inkoraġġanti għall-Konservattivi; bil-Prim Ministru u Kap tat-Tories, Boris Johnson, jisħaq li ‘il-Gvern tiegħu ġie premjat talli prova jirrealizza kemm jista’ il-prioritajiet tal-poplu’.

Il-Konservattivi, intant, rebħu wkoll il-kunsilli ta’ Northumberland, Harlow, Redditch, Dudley u Nuneaton & Bedworth – b’kelliema għall-Partit Laburista jenfasizzaw ‘il-falliment totali tal-istrateġiji ta’ Starmer.

L-istess kelliema qalu li ħafna votanti Britanniċi, illum, ‘ma jafux eżattament x’qiegħed jirrappreżenta l-Partit Laburista’ u l-futur qed jidher diffiċli ħafna għal Keir Starmer bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Ir-riżultati sħaħ mill-elezzjonijiet għall-Parlamenti f’Wales u l-Iskozja mhumiex magħrufin għalissa. Dan meta mistenni li l-formazzjoni tal-Parlament ġdid ta’ Holyrood, fl-Iskozja, tkun magħrufa bejn għada, is-Sibt u l-Ħadd.

L-elezzjoni fl-Iskozja hi ħafna aktar sinifikanti għaliex is-Scottish National Party (SNP) mistenni jibqa’ l-akbar partit u kollox jindika li dan se jagħmel minn kollox biex iwassal għal referendum ġdid li jiddetermina jekk l-Iskozja tkomplix tifforma parti mir-Renju Unit.