Fl-aħħar sigħat ġiet irreġistrata mewta oħra kaġun tal-Covid-19, bit-total tal-vittmi tal-virus f’Malta tela’ għal 417. Il-vittma, mara ta’ 95 mietet fl-isptar Mater Dei.
Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa kellna 12-il każ ġdid ta’ Coronavirus filwaqt li rkupraw 19-il persuna. Il-każijiet attivi niżlu għal 252.
Sa issa f’pajjiżna kellna total ta’ 30,432, bl-ammont ta’ persuni li fiequ huwa dak ta’ 29,763. Sal-Ħamis tlaqqmu 115,333 persuna biż-żewġ dożi tal-Coronavirus.
Fil-bullettin mediku tal-Ġimgħa, il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa f’pajjiżna hawn 22 każ tal-varjant Brażiljan, filwaqt li 5 każijiet tal-varjant Afrikan. Hija qalet li s’issa f’Malta m’għandniex każ tal-varjant Indjan.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li hemm 4 persuni li jinsabu fl-ITU, filwaqt li 6 persuni jinsabu fl-IDU tal-isptar Mater Dei. Fi swali oħra f’Mater Dei hemm 10 persuni. Hija qalet li bħalissa fi sptar Boffa hemm 28 pazjent tal-Covid-19. F’Għawdex bħalissa hemm 17-il każ attiv ta’ Coronavirus.
Net News intant saqsa jekk kienx hemm persuni li ħadu l-vaċċin tal-Covid-19 u ddaħħlu l-isptar minħabba s-sintomi li kienu qed isofru.
L-aktar sintomi li jkollok huwa d-deni, minħabba iżda s-sintomi li jista’ joħloq il-vaċċin, sa issa m’hemm ħadd li ddaħħal l-isptar bis-side effects tal-vaċċin bid-deni.
Meta saqsejna dwar kemm jista’ jdum l-effett tal-vaċċin hi qaltilna li għadhom ghaddejin l-istudji fuq dan l-aspett u jekk hemmx bżonn li wieħed jibda jingħata l-booster.
Għalinqas sa issa hemm 6 xhur ta’ protezzjoni, pero jista’ jkun li tkun aktar. Illum qed naraw l-istudji fuq kemm iddum l-immunità u anki xi indikazzjonijiet ta’ meta jkun l-aħjar indikat li jingħata booster jew it-tielet doża.
Il-Professur Gauci qaltilna li l-iskejjel post-sekondarji mhux se jinżammu magħluqa għajr ghall-eżamijiet.
Intant, is-Supretendent tas-Saħħa appellat biex kulħadd jibqa’ jżomm mal-miżuri ta’ mitigazzjoni li hemm fis-seħħ bħalissa, u qalet li kienu dawn il-miżuri flimkien mal-vaċċin li qed jgħinu biex pajjiżna jnaqqas il-każijiet ta’ infezzjoni.
//= $special ?>