Internazzjonali

Renju Unit: Adulti taħt l-40 sena offruti ‘alternattiva’ għall-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca

L-awtoritajiet fir-Renju Unit qalu li l-parti kbira tal-adulti taħt l-40 sena se jingħataw ‘alternattiva’ għall-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca minħabba r-rabta bejn il-vaċċin u każi rari ta’ trombożi. Ir-regolatur tal-mediċina fir-Renju Unit qal, intant, li kien hemm 242 każ ta’ clotting ( trombożi) fost it-28.5 miljun tilqima bil-vaċċin tal-Astra.

L-element ta’ sogru minn trombożi hu xi ftit ogħla fost persuni kunsidrati bħala ‘iżgħar fl-età’ ladarba huma jingħataw il-vaċċin inkwistjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni biex il-parti kbira tal-adulti taħt l-40 sena jingħataw ‘alternattiva’ għall-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca ibbażat, f’parti, fuq il-livelli baxxi tal-każi tal-coronavirus u l-fatt li r-Renju Unit għandu l-ħażniet estensivi ta’ ‘(vaċċini) alternattivi għall-AstraZeneca’.

Il-Kumitat Konġunt għat-Tilqim fir-Renju Unit qed jenfasizza l-ħtieġa għal sigurtà fil-programmi tat-tilqim attwali waqt li jsostni l-konferma tal-‘alternattivi’ mistennija ‘tistimola l-fiduċja tan-nies fil-programmi’.  

Filwaqt li r-rati tal-Covid-19 qed ikunu kontrollati sew, l-awtoritajiet tas-saħħa fir-Renju Unit qegħdin javżaw li l-adulti bejn it-18 u d-39 sena li mgħandhomx kundizzjonijiet ta’ saħħa speċifiċi qed ikunu offruti alternattiva għat-tilqima bl-AstraZeneca kulmeta s-sitwazzjoni tippermetti u f’sitwazzjonijiet fejn il-programmi tat-tilqim ‘ma jaqgħux lura’.

L-element ta’ sogru minn każ ta’ trombożi qed jitqies bħala wieħed f’kull 100,000 fost in-nies bejn l-40 u l-50 sena – u wieħed għal kull 60,000 fost in-nies li għandhom bejn it-30 u l-40 sena.

Dan waqt li t-tabiba June Raine, l-Eżekuttiv Ewlieni tal-Medicines and Healthcare products Regulatory Agency (MHRA) fir-Renju Unit, qalet  mill-ġdid li l-benefiċċji mill-vaċċin huma bil-wisq ogħla mill-element ta’ sogru involut għall-maġġoranza assoluta tan-nies — u b’mod partiklulari ċ-ċittadini ta’ età avvanzata.

40 lines