Lokali

Talba oħra biex il-Gvern jisma’ l-pariri dwar l-użu tal-kannabis

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija (SfCE) u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) ħarġu dokument ta’ pożizzjoni b’rispons għall-White Paper “Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis”. Dan id-dokument se jiġi ppreżentat lill-Gvern bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa.

Bħala edukaturi li jaħdmu ma’ eluf ta’ tfal u żgħażagħ, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja esprimu r-riżervi tagħhom dwar it-triq perikoluża li l-pajjiż qiegħed jieħu permezz ta’ dak li qiegħed jiġi propost fil-White Paper dwar l-użu tal-kannabis.

Id-dokument ta’ pożizzjoni jsostni l-importanza ta’ diskussjoni nazzjonali wiesgħa fuq id-direzzjoni li l-pajjiż għandu jieħu f’dan il-qasam, minflok ma nkomplu ngħaġġlu biex infittxu ngħaddu liġi li, b’kull probabbiltà, twassal biex tippromwovi l-użu tas-sustanzi.