Coronavirus Lokali

“Żgur li ma kienx se jmur jitlob xi ħaġa jekk mhux għal raġuni serja” – l-avukat Bonello

Permezz ta’ post fuq Facebook l-avukat John Bonello ħareġ reazzjoni għall-kummenti li għadda dalgħodu d-Deputat PM Chris Fearne b’referenza għal dak li kien talab Ivan Barbara, il-Malti ta’ 47 sena li miet bil-COVID-19 fl-Indja biex jieħu l-vaċċin qabel ma jmur f’dan il-pajjiż Asjatiku, fejn tenna li Ivan Barbara “żgur li ma kienx se jmur jitlob xi ħaġa jekk mhux għal raġuni serja”.

Fil-kumment li għadda qal li rridu “nammettu li ilna xhur naraw nies ħafna iżgħar minn Ivan jifirħu bil-karta li ħadu l-vaċċin, min bl-iskuża li jaħdem hemm, min għax jagħmel ma nafx xiex, u forsi xi ħadd għax kellem lil xi ħadd.”

Infatti dawn il-kummenti tal-Ministru ma tantx niżlu tajjeb mal-pubbliku inġenerali fejn filfatt persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li dawn il-kummenti ta’ Chris Fearne qed isiru fi żmien fejn ta’ kull ġimgħa qed ikun hemm għidut li qed ikun hemm persuni li jingħataw il-vaċċin meta ma jkunx imisshom jagħmlu dan. Persuni oħrajn qalulna li saħansittra rċevew telefonata minn Ministeri differenti biex jingħataw il-vaċċin meta ma kienx imiss lilhom.