Lokali

20 sena mit-tieni żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’pajjiżna

Il-jiem tat-8 u d-9 ta’ Mejju jfakkru lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin fiż-żjara li 20 sena ilu – fl-2001 – għamel f’pajjiżna l-Papa Ġwanni Pawlu II … parti minn programm ta’ żjarat li l-Kap tal-Knisja Kattolika dak iż-żmien kien għamel fuq il-passi tal-Appostlu Missierna San Pawl, biż-żjara tilħaq il-qofol tagħha bil-beatifikazzjoni ta’ tliet Maltin.

Mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali, il-Papa kien intlaqa’ mill-President ta’ Malta Guido Demarco u l-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, kif ukoll mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, l-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi u l-Isqof Awżiljarju Annetto Depasquale.

Fit-toroq Maltin, u Għawdxin, kienu l-eluf li sellmulu … bil-Papa, għalkemm fiżikament fraġli, jagħmel l-almu tiegħu biex jirreċiproka bit-tbissima u l-Barka tiegħu mill-Pope Mobile.

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin kienu ħonqu wkoll il-Fosos tal-Furjana, f’waħda mill-aktar Quddiesat storiċi għall-Knisja Maltija, li matulha kienu bbeatifikati Dun Ġorġ Preca, Monsinjur Nazju Falzon u Suor Adeodata Pisani.

Matul l-Omelija tiegħu, il-Kap tal-Knisja Kattolika kien esprima l-ferħ kbir tiegħu li reġa’ żar pajjiżna, fejn faħħar ukoll il-wirt nisrani sabiħ li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin, li sejjaħlu rigal li iżda jġib miegħu responsabbiltajiet kbar.

Għalkemm iż-żjara f’pajjiżna ma kinitx itwal minn 48 siegħa, il-Papa kellu ċ-ċans ukoll iżur is-sede tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M, li twaqqfet propju minn wieħed mit-tliet Beati Maltin – Dun Ġorġ Preca – li fl-2007 kien ikkanonizzat għal Qaddis mill-Papa Benedittu XVI.

20 sena wara, din it-tieni żjara uffiċjali tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-gżejjer tagħna tibqa’ fil-memorja ta’ ħafna. Anke għax kienet l-aħħar waħda li dan il-Papa Qaddis għamel fostna. Dan hekk kif, fis-snin ta’ wara saħħtu kompliet tmur lura, sakemm eventwalment miet fit-2 ta’ April 2005, fl-età ta’ 84 sena u fi tmiem Pontifikat ta’ kważi 27 sena.