Lokali

Aktar appoġġ għall-proposti fiskali tal-Partit Nazzjonalista

Taxxa ekwa li ma tiddiskriminax hi xi ħaġa li l-Kamra tan-Negozji Ż-Żgħar u Medji ilha tisħaq dwarha.

Sostniet dan, Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SME’s waqt intervista li xxandret fil-programm Net Live.

Abigail Mamo qalet li din ma tgħoddx biss biex tattira investimenti kbar, iżda tapplika wkoll għal negozju żgħir bħal ristorant, li jekk ikollu sidien barranin, dan igawdi vantaġġ fiskali sostanzjali meta mqabbel ma’ ristorant li għandu sidien Maltin.

Hi qalet li filwaqt li hemm bżonn dawn l-inċentivi biex tattira ċerti kumpaniji u industriji, dawn l-inċentivi m’għandhomx jibqgħu japplikaw f’oqsma fejn diġà hemm preżenza sostanzjali ta’ investiment lokali.

It-tassazzjoni hi xi ħaġa ċentrali fl-operat ta’ negozju. Din hi importanti waqt żminijiet normali, iżda issa qed tassumi importanza kruċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza li wasslet magħha l-pandemija.

Bid-dokument li ġie mniedi aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li t-tassazzjoni fuq ċerti negozji tkun aktar ġusta u ma tibqax tkun ta’ żvantaġġ għal negozji b’investiment Malti.